Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk.
It-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew – Mt 18, 15-20
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.
Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.
Riflessjoni
Ġesù, wara li jurina kif għandna ngibu ruħna ma’ xulxin meta wieħed jonqos – ħadd fostna mhu eżentat mill-iżbalji-jgħidilna wkoll li hu mhux ’il bogħod minna. Hu l-Għimmanu-El, Alla magħna. Mhux waqt it-talb biss, imma waqt kull ħidma li noffruha għall-glorja tiegħu. San Pawl jgħidilna li kollox għall-glorja t’Alla: “sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.” (1 Kor 10:31) Is-supperv ma jridx min jikkoreġih, għax jaħseb li hu infallibbli, jew ihossu li hu superjuri u mhux ta’ min ‘jumiljah.’ Min hu qalbu umli, jaċċetta u jieħu pjaċir meta xi ħadd jiġbidlu l-attenzjoni fuq xi żball jew xi jkun il-każ.
Talba – Mulej, għallimni nkun grat lejn min iridli l-ġid.