
Niċċelebraw Evanġelju tas-Solennità tal-Qaddisin kollha.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu wiċċek, Mulej.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien: Ġesù kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja, u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu.
U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid:
“Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”. Mt 5, 1-12a.

i.Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt.
Tista’ tgħix il-ħajja tara x’ser taħtaf,
qalbek magħluqa għall-uġiegħ ta’ ħaddieħor
u iebes ma’ min bħalek qed jitħabat biex jibni futur.
u tista’ tiskopri l-hena meta
taċċetta il-limitazzjonijiet tal-ħajja
u tifraħ fejn tara t-tajjeb iseħħ
il-kompassjoni ddewwi qalb muġugħa
it-tenerezza iddewweb il-vjolenza li teqred l-art.
Irrifletti:
- Ta’ xhiex inti grat?

ii. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.
Hemm hena profond u moħbi
fil-persuni li jibqgħu jaħdmu b’determinazzjoni għal dak li hu sew
li ma jintrebħux mill-kefrija u jirbħu l-ħażin bit-tajjeb
li, għax ma jimxux b’qerq, jiskopru lil Alla f’kull post.
Irrifletti:
- Fejn qed titħabat bħalissa? Liema don tixtieq titlob lil Alla?

iii. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.
Ma tinvestix fil-gwerra
mhux għax qtajt qalbek.
Pjuttost għax fhimt
li s-sigurtà qatt ma tiġi minn hemm.
Issib l-hena fil-persekuzzjoni
mhux għax tobgħod lilek innifsek.
Pjuttost għax konvint
fil-qawwa tal-integrità, tal-verità, tal-ġustizzja
fil-qawmien ta’ Kristu (li għajruh u ppersegwitawh).
Irrifletti:
- Ikkontempla l-paċi fuq il-wiċċ ta’ Kristu u tal-qaddisin (anke dawk ta’ ħdejk).
3. Missierna
Comments are closed