
Fejn hi l-problema?
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-25 Ħadd tas-sena
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies għax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.
Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.
Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.
Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.
Mt 20, 1-16a.
Riflessjoni u talba:
i. F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies għax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa.
Kultant ninsa
li qed nieħu ħsieb għalqa li mhix tiegħi
li involut fl-opra tal-ħolqien li ma ġġenerajtux jien
li afdat mill-istess Ħallieq b’dak li hu għażiż għaliH
li b’dak li Alla afdali nieħu ħsieb jien, qed jieħu ħsieb tiegħi.
Irrifletti
- Kif tara l-ħidma tiegħek fid-dinja?
ii. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”..
Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”..
Irrifletti
- Fejn mistieden tgħin lil ħaddieħor jagħraf il-post tiegħu/tagħha fil-ħajja?
iii. Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.
X’inhi l-problema
jekk Alla ġeneruż
jekk jagħżel li jkun koerenti ma’ dak li Hu
jekk iħobb mhux b’kalkolu u qies imma mill-abbunanza tal-qalb
Fejn hi l-problema
jekk ġejt assigurat mill-ħlas qabel ma bdejt taħdem
jekk kellek ġurnata moħħok mistrieħ waqt li l-ieħor qalbu ttaqtaq
jekk tal-aħħar siegħa serraħ rasu wkoll … fl-aħħar!
Fejn hi l-problema?
Irrifletti
- Ieqaf ftit mal-ġenerożità ta’ Alla lejk? Fejn? Permezz ta’ min?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.


