Ħamis ix-Xirka – Mument ta’ Talb fid-dar

Ħamis ix-Xirka – Mument ta’ Talb fid-dar

Agħfas hawn biex issegwi LIVE:

Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Innu tal-Bidu

Agħti, lsien, l-ogħla foħrija,
għax jifdina b’ġismu ried
u għalina jxerred demmu
dak li jsaltan fis-smewwiet:
demm imnissel ġewwa l-maqdes
ta’ ġuf l-omm ta’ l-ommijiet.

Lilna mogħti, lilna mwieled
minn omm xebba bla mittiefsa;
hu bħal bniedem għoġbu jgħammar,
jiżra s-sewwa fina ried;
sakemm, fl-aħħar, ħajtu fostna
temm fost l-ogħla għeġubijiet.

Tul il-lejl ta’ l-aħħar ċena
qagħad flimkien mal-magħżulin;
magħhom kiel biex radd l-għemejjel
skond il-liġi mitlubin;
lilu nnifsu mbagħad tahom jieklu
lit-tnax miegħu miġburin.

Hekk bil-kliem tal-Kelma-Bniedem
il-ħobż veru ġismu sar
u l-inbid inbidel f’demmu:
dawl imgħotti wara star,
li, biex jifhmu, moħħ il-bniedem
mit-twemmin ma jsibx aħjar.

Introduzzjoni

Fil-quddiesa tal-lejla f’nhar Ħamis ix-Xirka, issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla tal-Mulej u fi tmiem din iċ-ċerimonja Ġesù Ewkaristija jittieħed minn fuq l-artal u jitqiegħed fuq artal ieħor biex aħna l-Insara nishru mal-Mulej fl-agunija tiegħu fil-Ġnien taż-Żebbuġ.

Dan l-artal irid ifisser l-imħabba ta’ Kristu li ried jibqa’ magħna fl-Ewkaristija, li hu għoġbu jwaqqaf fl-Aħħar Ikla mal-Appostli tiegħu. Għalhekk l-Insara jżejnu dan l-artal bil-fjuri u jdawluh bix-xemgħat bħala sinjal ta’ qima u mħabba. Illejla filwaqt li nirringrazzjaw lil Ġesù, inpoġġu quddiemu l-ħtiġijiet tagħna, nitolbuh ħniena u maħfra għan-nuqqasijiet tagħna.

Is-soltu nkunu hawnhekk flimkien fil-knisja, iżda llejla mid-djar tagħna ejjew nidħlu quddiem Ġesù b’sentimenti ta’ fidi, tama u mħabba u nkantaw flimkien.

O, O, O, Adoramus te, o Christe.

  • Infaħħruk, int li inti l-Verb ta’ Alla, sa minn dejjem. Kollox bik sar, u xejn ma sar mingħajrek. Kollox għandu l-ħajja fik. Int id-dawl jiddi fid-dlam, li d-dlam ma għelbux għax ħriġt rebbieħ fuqu. Int id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem. U lil dawk li jilqgħuk, tagħtihom is-setgħa li jsiru wlied Alla.

O, O, O, Adoramus te, o Christe.

  • Inqimuk, lilek li inti l-Verb ta’ Alla li sirt bniedem u għammart fostna. Moħbija taħt l-umanità tiegħek, urejtna l-glorja tiegħek, il-glorja li għandek mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità—dik il-grazzja u dik il-verità li seħħu permezz tiegħek, għax huma inti stess li tiġi tiltaqa’ magħna u tingħata għalina.

O, O, O, Adoramus te, o Christe.

  • Irroddulek ħajr, o Verb ta’ Alla, għax, għalkemm, lil Missier ħadd ma rah, għarraftulna int, li inti l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li int fi ħdan il-Missier. U minn din il-milja tiegħek aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja.

O, O, O, Adoramus te, o Christe.

 

SALM RESPONSORJALI – Salm 30

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk

Fik, Mulej, jien nistkenn, *
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani, †
F’idejk jien nerħi ruħi, *
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk

Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha, *
jien sirt ħaġa ta’ min ikasbarha;
jitwerwru l-ġirien tiegħi, *
u min jafni jibża’ minni.
Dawk li jarawni barra jaħarbu minni. †
Insewni bħal wieħed mejjet, *
sirt bħal ġarra mkissra.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk

Imma jien fik nittama, Mulej; *
jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!
F’idejk hi xortija”.
Eħlisni minn id l-għedewwa, *
minn id dawk li jeħduha kontrija.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk

Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek; *
fit-tjieba tiegħek eħlisni.
Issaħħu u qawwu qalbkom, *
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk

 

Ġesù Ewkaristija, għajn ta’ kull faraġ.

Qari mill-Evanġelu ta’ San Ġwann. (14. 1-3)

Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad; emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Jiena sejjer biex inhejjilkom post. U wara li mmur u nhejjilkom post, nerġa’ niġi u nehodkom kiegħi biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.”

“Do not let your hearts be troubled. You believe in God; believe also in me. My Father’s house has many rooms; if that were not so, would I have told you that I am going there to prepare a place for you? And if I go and prepare a place for you, I will come back and take you to be with me that you also may be where I am. 4 You know the way to the place where I am going.”

 

Innu

Jien se nagħtikom kmandament ġdid
Li tħobbu ’l Alla u lil xulxin
Minn dan jagħrfukom
Li lkoll intom tiegħi
Jekk tħobbu ’l-aħwa
Kif ħabbejtkom jien.

Waslet is-siegħa, Missier qaddis
Biex int issebbaħ lill-Iben tiegħek
Għax din hi l-ħajja
Li jagħrfu lkoll lilek
Biex dawk li tajtni
Jgħixu lkoll miegħek.

Missier qaddis, ħarishom f’ismek
Dawk l’ inti tajtni, nitlob għalihom
Kif int bgħatt lili
Hekk jien nibgħat lilhom
Għax jien ħabbejthom
Kif ħabbejtni int.

U għal dawk kollha li jemmnu fija
Kif inti fija u jiena fik
Hekk huma jkunu ħaġa waħda fina
Biex il-ferħ tagħhom ma jispiċċa qatt.

 

Invokazzjonijiet

1. Ġesù inti stess għidtilna: ‘Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mhabbtin u mtaqqlin u jiena nserrahkom”.

Għinna fit-tiġrib tagħna.

2. Ġesù inti xebbaħt lilek innifsek mar-Ragħaj it-Tajjeb; li jfittex bla heda n-nagħġa l-mitlufa. 

Għinna fit-tiġrib tagħna.

3. Ġesù inti sejjaħt imberkin lill-foqra f’ruħhom, faħħart lill-ġwejdin u lil dawk li jħennu, berikt lil ta’ qalbhom safja u ‘l dawk li jħobbu l-ġustizzja. 

Għinna fit-tiġrib tagħna.

4. Ġesù inti qiegħed fuq il-leminija tal-Missier bħala avukat tagħna u qed tistenniena niġu ħdejk biex nithennew miegħek għal dejjem. 

Għinna fit-tiġrib tagħna.

Nitolbu għal dawk kollha li huma mġarrbin, imnikktin minħabba l-mard jew mitluqin weħidhom fin-niket tal-ħajja, jew qed ibatu ħtija ta’ inġustizzja; għal dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom.

 

Innu

’Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema
Biex il-ġieħ li jixraqlek nagħtuk
Qalb ħanina li tagħder, li taħfer,
Kif ħabbejtna nixtiequ nħobbuk.

Rit:
Qalb imqaddsa ta’ Ġesù
Li berikt it-tfal ċkejknin,
Kebbes fina n-nar ta’mħabbtek,
Żommna miegħek imħaddnin.

Biex tifdina mill-jasar ewlieni
Ta’ Missierek l-għamara ħallejt,
Int li tgħaxxaq is-sema bi ġmielek,
Ta’ suritna fil-faqar inħbejt. Rit:

L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna
Meta b’daqqa ta’ lanza nifduk.
Int għallimtna tan-niket il-hena,
Int għallimtna fil-hemm inberkuk. Rit:

Skond il-feħma tal-Papa u tal-Isqfijiet tagħna:
Missierna, Sliema u Glorja

Għall-erwieħ tal-Purgatorju:
Agħtiħom o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem ; id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom; jistrieħu fis-sliem. Ammen.

 

Talba lil Ġesù Msallab

Hawn jien, O Ġesù maħbub tiegħi,
Mixħut quddiem il-preżenza tiegħek,
Nitolbok bl-akbar ħrara
Tnissel f’qalbi,sentimenti ta’ fidi, tama u mħabba,
Ta’ ndiema kbira ta’ dnubieeti u ta’ feħma sħiħa
Li ma noffendik qatt iżjed;
Fil-waqt li bl-imħabba u l-ħniena kollha
Sejjer inġib quddiem għajnejja
Il-ħames pjagi tiegħek,
Nibda minn dak li qal fuqek
Il-qaddis profeta David,
“Nifduli jdejja u riġlejja,
u għaddewli għadmi kollu.”

Innu

Dal-misteru għatkubbtejna
ejjew mela naduraw;
u quddiem ir-riti l-ġodda
suriet qodma jispiċċaw:
bit-twemmin ġo qalbna nħossu
dak li s-sensi le jaraw.

Lill-Missier inroddu u ‘l-Iben
b’qalbna kollha kull tifħir:
lejhom, mat-tberik ta’ qalbna,
imħabbitna ‘l fuq ittir:
lill-Ispirtu, li ġej minnhom,
ħajr ukoll xejn inqas kbir. Ammen

Nitolbu.
O Alla li f’dan is-Sagrament ta’ l-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-passjoni tiegħek; agħtina nitolbuk li nqimu il-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek, ħekk li nħossu fina bla ħeda dak li rebħitilna l-fidwa tiegħek. Inti li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.
Dejjem ikun imfaħħar.

Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Comments are closed.