Agħmlu l-qalb!

Agħmlu l-qalb!

Mument ta’ talb: Id-Dsatax-il Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw il-Vanġelu tal-Ħadd: tmexxija

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

F’qalbi hemm xewqa profonda li Alla jkun il-mexxej tiegħi. Għalhekk qed hawn …

Hieni l-bniedem
li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.
Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel.

 (Salm 1)

This image has an empty alt attribute; its file name is meric-tuna-CE1OvMrZumQ-unsplash-2-1024x576.jpg

L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 14, 22-33)

Wara lin-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. (Mt 14, 22-33)


Riflessjoni u talba:

“The fruit of silence is prayer; the fruit of prayer is faith; the fruit of faith is love; the fruit of love is service; the fruit of service is peace.” Mother Teresa

Minnufih

Il-kelma “minnufih” tikxef il-kwalità ta’ tmexxija turi kemm Ġesù kien mexxej tajjeb (leader).

Seta’ uża dak il-mument fejn “kulħadd kiel u xebgħa” biex ikollu ħakma fuq n-nies, jieħu vantaġġ biex isaħħaħ il-popolarità TIEGĦU.
Ġesù le!

MINNUFIH jibda jibgħat lin-nies.
Ċar fil-prinċipji: “It’s not about me!”

• X’inhuma l-prinċipji li jmexxu d-deċiżjonijiet tiegħek: “il-mera” (int) jew xi ħaġa oħra?

Ġiegħel
(lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor)

Ftit qabel id-dixxipli riedu jitilqu u qalu lil Ġesù jibgħat lin-nies.
Wara l-miraklu il-folja nqalbet. Forsi s-suċċess għoġobhom u xtaqu jibqgħu hemm!

Ġesù iġiegħel lid-dixxipli jmorru qablu x-xatt l-ieħor …
It-tmexxija ta’ Ġesù tgħinna noħorġu l-aħjar tagħna mhux is-superfiċjalità/medjokrità.

• Min huma l-persuni li permezz tagħhom Alla qed jgħinek ma teħilx? X’inhu x-xatt l-ieħor li qed jisfidak tikber?

Sakemm jibgħat lin-nies:


Lid-dixxipli jġiegħlhom … man-nies jieħu ftit aktar żmien.
Ġesù jirrispetta li hemm differenzi bejn n-nies u s-sitwazzjonijiet li qegħdin fihom.

Jagħraf jadatta biex jakkumpanja lil kulħadd skont il-ħtiġijiet tagħhom.
Ċertu mexxejja jagħtu l-favuri lil min diġa b’saħħtu.

Ġesù bil-kontra: jagħti iżjed ħin lil min għadu qed jirkupra. Uħud min-nies kien għadu kemm fejjaqhom. Ried ikun attent għalihom.

Iżda bagħathom ukoll. Mhux mexxej li jġib lin-nies dipendenti fuqu.

• Grazzi Mulej ta’ dawk il-persuni li waqfu miegħi meta kont ħażin u “telquni waħdi” għax emmnu fil-ħiliet tiegħi.

Tela WAĦDU fuq l-għoljiet biex jitlob

Waħdu: għaliex?

Biex ifaħħar lil Alla li bil-ftit (ħobż u ħut) li jinqasam, kulħadd jiekol! Japprezza;

Biex ma jinġarrx mill-entużjażmu mill-entużjażmu żejjed: jibqa’ iffukat;
Biex jevita t-tentazzjoni tal-popolarità – riedu jagħmluh sultan, il-King!! –
bir-riskju li jibda jaħkem fuq n-nies flok jagħti ħajtu għalihom; ifittex li jservi;

jew isir skjav ta’ prijoritajiet żbaljati, immexxi mill-favuri ta’ dawk li jivvutawlu: ifittex il-verità;

għalhekk isib il-ħin biex ikun waħdu … mal-Missier.

Minn hemm isib is-saħħa biex ma jingħalaqx man-nies li jaqblu miegħu iżda jersaq lejn kulħadd;
Minn hemm isib is-kuraġġ biex jiskotx quddiem min qatel lil kuġinuh;
Minn hemm isib l-imħabba meħtieġa quddiem min ipattilu l-ġid bid-deni.

Min huma l-liders li jispirawk? X’inhuma l-kwalitajiet tagħhom? Fejn jirriflettu l-kwalitajiet ta’ Ġesù? Fejn le?

Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn

Id-dixxipli ippreferew jibqgħu in-naħa l-oħra, fejn n-nies li kielu u xebgħu u bdew ifaħħruhom.

Għadhom jibżgħu quddiem l-isfidi tal-ħajja u l-maltemp (reġgħu ftakru fil-qtil ta’ Ġwann?).

Jaqdfu … jitħabtu … b’dover?

Ġesù, bħala lider tajjeb, jagħmel l-ewwel pass: b’kuraġġ jaffronta l-ħażen u l-kaos, jimxi fuq l-ilma.

Ġesù mhux immexxi mill-biża. Jipproponi is-sabiħ, it-tajjeb – anke meta jidhru impossibbli. Lider tajjeb jagħmel l-ewwel pass kuraġġuż hu.
U jispira lilna nagħmlu l-istess. Ibda minn Pietru li għamel kuraġġ biex jimxi hu wkoll fuq l-ilma.

Imma Ġesù bħala mexxej mhux biss jispirana bil-ħajja tiegħu iżda wkoll jagħtina l-PRESENZA: bih u miegħu, kollox possibbli.
Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!

• Ieqaf ftit u isma’ dan il-kliem li Ġesù qed jgħid lilek illum.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.