Ma stennejthiex minnu!

Ma stennejthiex minnu!

Mument ta’ talb: Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Kultant lil Alla ma nifhmux:

Inti qlajt dielja mill-Eġittu,
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,
sax-xmara ż-żraġen tagħha.

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha? …

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik.

 (Salm 79)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 21, 33-43)

F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu,” qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.

Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:

“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;

bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?”. Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

(Mt 21, 33-43)


Riflessjoni u talba:

Idea żbaljata t’Alla għandha impatt fuq kif ngħixu ħajjitna.

Lil Alla hawn min ipenġih bħala xi ħadd taz-zokkor, kollox jgħaddi, passiv… bla sinsla?

U ħajjitna issir ħajja illuppjata. Comfortably numb! Kollox jgħaddi. Allura ma stennejthiex minnu li Ġesù jiġi b’din l-istorja!

i. “X’jagħmlilhom?”

Ġesù joħloq storja, ma jispiċċahiex għajr għal mistoqsija li tinstiga RABJA: x’jagħmlilhom? Tant ħadmet l-istorja li r-risposta li ħarġu biha tixxukkjana bil-vjolenza: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma”.

Ġesù joħloq storja biex iqanqal rabja! Kont tistennieha?

Ma jaċċettax li quddiem l-inġustizzja, l-ħażen, l-arroganza … wieħed jibqa’ frisk daqs ħassa. Qisu xejn m’hu xejn! L-istorja tiegħu tgħinna nirrabrabjaw (mhux nifirħu jew niskantaw). L-istorja tiegħu twassalna biex ngħidu “Hekk mhux sew! Le!”

Ġesù, bl-istess storja, ifejjaq rabja żbaljata!

B’liema dritt tirrabja (sa tasal tattakka u toqtol) lil min qed ifakkrek li għandek tirrispetta dak li mhux tiegħek? Dawk il-qaddejja irrabjaw u kienu vjolenti lejn min kien ġeneruż magħhom. Irrabjaw għax ippretendew li jieħdu kollox huma: jieħdu l-wirt ta’ ħaddieħor.Fejn afdajt lil xi ħadd u daħaq bik? Ittradiek? Din l-esperjenza kif tgħinek tifhem lil Alla li afdalna d-dinja f’idejna.

X’tip ta’ rabja hemm f’ħajti?

  • Dik żbaljata? Ħierġa minn pretensjoni? Għax irrid dak li mhux tiegħi? Għax xi ħadd qed jgħidli l-verità u ma rridx naċċettaha?

  • Dik tajba? Ħierġa mill-għatx għall-ġustizzja; meta nara li qed neqirdu d-dinja li Alla afdalna; quddiem min jabbuża mill-poter fi vjolenza domestika, bullying, korruzzjoni, drittijiet ta’ ħaddiema mhux rispettati?

ii.  “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”

Ġesù jissorprendik  mill-ġdid: ifejjaq l-arroganza bl-umiltà.

Fl-ewwel mument ma stennejtx li Ġesù jinstiga rabja. Imma issa lanqas stennejt li l-post fejn faċli toħroġ l-akbar vjolenza (qtil tal-iben – jeqridhom mingħajr ħniena) isir il-post tal-bidu ta’ Saltna ġdida (qtil ta’ Ġesu – qawmien).

Niċċelebraw:

  • Perjodi fl-istorja meta quddiem mumenti traġiċi, ħarġu enerġiji ġodda, bini ta’ kultura aħjar (eż. Wara t-tieni gwerra dinjija)
  • Nies li żviluppaw ġid kbir meta ġew affaċċjati minn mard serju;  nies li affrontaw l-inġustizzja b’mezzi paċifiċi (Gandhi, Nelson Mandela); nies li ħafru.

iii. “Is-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”

Minn dak li ma stennejniex minn Alla, ngħaddu għal dak li jistenna minna Hu: frott tas-Saltna t’Alla. Il-frott ta’ Alla jidher fil-fatt li minkejja l-iżbalji tal-passat, Alla qed iħares lejna b’fiduċja u jafdana: bil-ħajja, bi ħbieb, bir-responsabbiltà fix-xogħol, bil-ħolqien. Il-frott tagħna meta nħarsu lejn dak li tana Alla bl-istess fiduċja u ngħinu biex nippromwovu dak t-tajjeb (mhux nabbużaw minnu, nikkapparrawh għalina.)

  • Biex qed jafdak il-Mulej bħalissa? Liema persuni? Liema ġid?
  • X’inhu t-tajjeb li tista’ ninkuraġġixxi f’persuna? Kif noħroġ is-sabiħ (fl-oħrajn, fil-ħolqien)?

Niċċelebraw il-mumenti meta smajna s-sinjali u għamilna deċiżjoni ta’ bidla.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.