Bil-frott tal-art li ssir bniedem.
Niċċelebraw it-tifkira tal-Ġisem u d-Demm għażiż tal-Mulej
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ gratitudni:
Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ..
(Salm 115)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.
Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.
(Mk 14, 22-26)
Riflessjoni u talba:
i. Ħa l-ħobż f’idejh
Dak li bih saru l-art u s-smewwiet,
il-Kelma tal-ħajja –
U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom fuq l-art” (Gen 1, 11) –
issa jaqbad il-ħobż,
frott tal-art u xogħol il-bniedem,
frott il-koperazzjoni tal-ħamrija, l-ilma, x-xemx, il-liġi tal-gravità, l-istaġuni, iż-żmien
frott il-fiduċja ta’ min jiżra’, l-apprezzament ta’ min jaħsad, il-kreattività ta’ min jaħmi, il-ġenerożità ta’ min iqassam,
jaqbad il-ħobż Sid il-ħajja,
u jinnota, japprezza, jifraħ huwa u jara li “tajjeb ħafna” … ibierek
u jibqa’ jagħmel dak li dejjem għamel … jaqsam u jqassam
Irrifletti:
- Innota l-ħolqien ta’ madwarek … ieqaf u apprezza l-preżenza t’Alla.
ii. “newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”
Kull ħaġa maħluqa hija frott il-Kelma t’Alla u ġġorr il-marka t’Alla.
Issa għandna qabża fil-kwalità:
il-ħobż li newwel huwa l-Kelma mogħtija – ħajtu, qalbu hemm:
l-imħabba li tagħti ħajjitha,
l-imħabba konkreta ta’ Ġesù,
mhemmx imħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.
Il-bniedem għandu bżonn il-ħobż,
imma bżonn ukoll ta’ kelma li hi vera, ġenwina, li tista’ sserraħ fuqha,
li fiha ssib kenn,
li ġġorr imħabba li mhix finta.
U l-kelma vera li tibdel il-ħobż
tqawwi il-kelma tagħna biex nistgħu nieħdu impenn favur ħaddieħor:
“Ħalli f’idejja. Naqdik!”
“Meta trid, ċempel”
“Jien … nieħu lilek … u nwiegħdek li nżomm ruħi fidil lejk, fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li nħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha”.
Irrifletti
- Fejn qed issibha diffiċli biex iżżomm kelmtek? Il-mod kif Ġesù jagħti kelma/ħajtu kif tgħinek?
iii. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna.”
Id-demm, simbolu tal-ħajja, li jiġri, jgħajjex, jgħaqqad kull parti tal-ġisem.
il-ħajja ta’ Ġesù li tiġri fil-ħajja tan-nisrani;
Dak li ġie eskluż u mormi ‘l barra mill-belt, demmu mxerred,
Huwa l-artist li jibdel l-azzjoni ta’ vjolenza estrema f’ġest ta’ relazzjoni li tgħaqqad,
li tibqa’ tiftaħ biex tinkludi ‘l ħafna u ‘l ħafna bla limitu.
Il-komunità ekkleżjali issir possibbli fejn jiċċirkola d-demm tal-patt,
fejn tiċċirkola l-maħfra,
fejn id-dgħufijiet mgħannqa,
fejn jista’ jkollok bidu ġdid,
fejn jinkiser iċ-ċirku vizzjuz vjolenti,
fejn r-relazzjonijiet jieħdu forma ta’ żvilupp spirali,
ta’ umanità isbaħ,
ta’ bnedmin li jieħdu ħsieb xulxin u jfittxu lil min mormi,
bnedmin li ftit, ftit, isiru aktar xbieha t’Alla.
Irrifletti
- Lejn xhiex għandna naspiraw? Li ngħixu kulħadd għalih jew f’nisġa ta’ relazzjonijiet?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.