X’fatta jimxi?!

X’fatta jimxi?!

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-17 il-Ħadd tas-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina.

(Salm 114)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.
 
Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”.
 
Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.
 
Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

(Ġwanni 6, 1-15)


Riflessjoni u talba:

i. “Lejn” – Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar … tela’ lejn l-għoljiet … warrab waħdu lejn l-għoljiet. 

Hemm azzjoni aktar qawwija mill-miraklu tal-ħobż, min-numri;
il-libertà enormi ta’ Ġesù:
jara l-bżonn radikali tal-bniedem (għall-ikel) u ma jużahx għall-gwadann personali (biex isir sultan);
quddiem il-kobor tan-numri (5000+ persuna) ma jeħilx fuq il-problema tal-flus: jibda miċ-ċokon (5 ħobżiet), mil-gratitudni, mil-ġenerożità;
quddiem il-kobor tal-fama u s-suċċess jirtira waħdu biex jitlifx l-umanità!

Irrifletti:

  • Lejn … hemm xi ħaġa li lejha miexi/miexja? Lejn x’hiex taspira? Li timla l-ħawsla u jiddeċiedi għalik ħaddieħor? Jew il-kuraġġ tal-kuxjenza?


ii. Bilqiegħda ma’ ….

Għaliex telaq waħdu lejn l-għoljiet meta ftit qabel għażel li joqgħod bilqiegħda
mad-dixxipli tiegħu,
ma‘ 5000 ruħ? 
Għax riedu jagħmluh sultan!
Jekk isir sultan ma jibqax bilqiegħda ma’
iżda wieqaf fuq jew bilqiegħda ‘l fuq!
 
U flok ġenerożità, imħabba gratuita li tibni komunità,
flok naqdi nibda nfittex li ninqeda, nuża’, noħloq dipendenza!
U d-dixxipli, u l-5000, jispiċċaw komdi (żaqqhom mimlija) iżda bla ruħ;
jew abbużati jew bla vuċi!

Irrifletti

  • Xi tfittex? Fejn qiegħed tfittex li toqgħod bilqiegħda ma’ l-oħrajn? Fejn qed tfittex li taħkem fuq l-oħrajn?


iii. “Hawn tfajjel …” – ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, qassamhom – Iġbru l-loqom

Dettalji …
Dettalji li juru stil ieħor ta’ ħajja:
ta’ dixxiplu li mhux aljenat u li beda japprezza l-potenzjal li qed ġġorr persuna (tfajjel);
ta’ mgħallem li ma jagħżilx il-poter (eż. li jibdel il-ġebel f’ħobż) iżda li japprezza dak li jirċievi (minn tfajjel, mill-Missier) u jqassam b’mod ġeneruż (bħal f’Kana)
ta’ komunità li tkompli tkun attenta għad-dettal, għal-loqom, għall-mod kif tista’ tkompli tiġbor u tqassam … mhux l-aqwa li teħles, mhux l-aqwa s-suċċess … iżda tibqa’ attenta fis-sempliċità

Irrifletti

  • X’tinnota? Kif tirċievi l-ġid? X’mistieden tiġbor u tapprezza mill-ħidma? Hemm xi sorpriża?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.