Kull mistoqsija vjaġġ!

Kull mistoqsija vjaġġ!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-18-il Ħadd tas-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej tahom il-qamħ mis-sema. (Salm 77)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, in-nies meta ntebħu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”.


Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.
Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”. Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat”.


Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema’”. Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”. Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”..

(Ġwanni 6, 24-35)

pexels/maria orlova: needs or desire?

Riflessjoni u talba:

i. “Rabbi, meta ġejt hawn?”

Anzjużi! Ma jridux jitilfuh!
Minħabba l-bżonnijiet … tal-ikel, tas-sigurtà …
Imqabbdin miegħu jispiċċaw skjavi!
 
Ġesù – dak li qabad miexi xħin riedu jagħmluh sultan –
tefagħhom fuq vjaġġ:
mit-tfittxija ta’ dak li jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi (u għeluq fina nfusna)
għat-tfittxija tax-xewqat l-aktar profondi (li jiftħuna għal xefaq akbar).
“Tħabtu għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”.
Kemm nies għamlu dan il-vjaġġ
u l-ebda mard jew falliment ma tellifhom milli jgħixu ħajja kreattiva.

Irrifletti:

  • X’qed tfittex?
pexels/sharefaith: trust


ii. “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”

Nixtiequ kieku s-sigurtà li qegħdin nagħmlu kollox tajjeb.
Nixtieq riċetta … forsi anke jgħidli bl-eżatt x’għandi nagħmel ħa nkun sew!
Ġesù jitfagħna fuq vjaġġ differenti: biex ma nispiċċawx pupazzi!
 
Jgħaddina għall-fiduċja f’Alla waħdu –
li temmen “f’dak li huwa bagħat”:
mhux azzjonijiet miktuba minn fuq iżda relazzjoni li tagħtik il-ħajja;
li tgħinek tintefa’ fil-mument preżenti
li tgħix il-libertà tiegħek
fid-dawl tal-fiduċja li għandu fik!

Irrifletti

  • Fejn tara s-sinjali tal-fiduċja t’Alla fik?
pexels/pavel danilyuk: gratitude and initiative


iii. “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel?”

Hemm sinjal li jżommna mwaħħlin: Ġesù jagħmel “show” li bih isir eroj magħluq ġo niċċa.
Ġesù jiftħulhom għajnejhom għal sinjal li jagħtihom il-ħajja,
li jżommhom ħajjin:
 
Jitkellem fuq il-Missier li jirregala,
Jitkellem fuqu stess – l-Iben li qed jingħata,
Is-sinjal huwa l-għodtja, l-imħabba li min iduqha ma jieħdu qatt il-ġuħ, qatt il-għatx;
l-imħabba li tpoġġik fi vjaġġ biex tgħix bl-istess mod,
u min jiltaqa’ miegħek itaffi l-ġuħ, itaffi l-għatx,
u jsib il-libertà biex jagħmel l-istess
u jsalvak milli inti wkoll jagħmluk eroj magħluq ġo niċċa.

Irrifletti

  • Fejn tara s-sinjal tal-ġenerożità, ta’ persuni li qed jingħataw mingħajr ma jfittxu li jidhru?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.