Se tagħti ċans?
Niċċelebraw l-Evanġelju tad-19 il-Ħadd
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej. (Salm 33)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.
Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.
(Ġwanni 6, 41-51)
Riflessjoni u talba:
i. Bdew igergru fuq Ġesù – “Toqogħdux tgorru bejnietkom”
Igergru fuq Ġesù,
jiftiehmu kontra tiegħu
ma jagħtuh l-ebda ċans.
Igorru bejniethom,
bil-moħbi u bla ftuħ,
ixewxu: ħadd ma jista’ jagħtih ċans.
Ġesù jitkellem magħhom, ikellimhom bil-miftuħ, jagħtihom ċans!
Irrifletti:
- Fejn tara sinjali ta’ opportunità ġdida?
ii. “Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”
Jista’ jkun
li ma jagħtux ċans lil dak li ħalaq is-sema u l-art li jista’ iżur lit-tnejn!
li ma jagħtux ċans biex jiskopru s-sema hawn fl-art, lil Alla f’Ġesù!
li ma jagħtux ċans li r-rieda t’Alla isseħħ “kif fis-sema hekkda fl-art”!
Jista’ jkun li ma jimmaġinawx lil Alla b’dan il-mod:
b’l-istil tiegħu huwa li jinżel,
b’imħabba li ma turix ruħha fis-suppervja,
li jinżel biex jgħolli ċ-ċkejknin (u jniżżel lis-setgħana minn fuq it-tron!).
Irrifletti
- X’issib diffiċli biex taċċetta fl-istil ta’ Alla?
iii. “U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”
Jista’ jkun
li jkun jitlob bidla kbira minnhom jekk jagħtuh ċ-ċans li jimxi hekk:
li jagħti u jingħata,
li jgħix ħajtu “għal”
li jagħti l-ħajja għax jingħata Hu.
Imma lil dawk li laqgħuh u tawh iċ-ċans
“tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla”:
li jduqu l-ferħ ta’ meta wieħed jingħata
li jaraw il-ħajja madwarhom tinbet:
fis-siġra li baqagħla post u mhux tinqered,
fil-persuna li ffjorixxiet għax xi ħadd wera fiduċja fiha u taha ċans,
fil-persuni li għarfu li fl-ewwel post jista’ jkun hemm tnejn (mhux wieħed biss)!
(Ara l-istorja ta’ Mutaz Essa Barshim mill-Qatar u Gianmarco Tamberi mill-Italja fl-Olimpjadi ta’ Tokyo 2020 li għażlu li jaqsmu bejniethom l-ewwel post)
Irrifletti
- Fejn qed tiġi sorpriż mill-istil t’Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.