Ibqa’ miexi!
Niċċelebraw l-24 Ħadd matul is-sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin (Salm 114)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”. Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”.
Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”.
Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”.
(Mk 8:27-35)
Riflessjoni u talba:
i. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija:
Jien u miexi, niltaqa’ mal-mistoqsijiet il-kbar, f’hiex nemmen? X’inhuma l-prinċipji tiegħi? Kif jarawni in-nies ta’ madwari? Hekk narani? Jew hemm xi ħaġa aktar milli jaraw in-nies?
Jien u miexi ninżel aktar fil-fond, insib il-kuraġġ biex insir aktar dak li jien, hekk kif inħares lil hinn minni nnifsi, u niltaqa’ ma dak li jsaqsini: Min tgħid li jien? U nilmaħ il-kobor tal-misteru tiegħu u tiegħi: Inti l-Messija!
Irrifletti:
- Liema hi l-aktar mistoqsija profonda li għandek bħalissa?
ii. Fuq dan kellimhom ċar.
Alla mhux taparsi sar bniedem, mhux taparsi poġġa riġlejh fuq l-art. Ipoġġi jdejh fuq il-pjagi, imiss ir-realtà u ma jaħrabhiex: it-triq li joffri mhix aljenazzjoni jew illużjoni.
Kellimhom ċar! Il-Messija mhux dak li jevita r-realtà, iżda jidħol fil-fond fiha, iġorr il-konsegwenzi, u minn hemm jagħti dak li hu ta’ Alla.
Irrifletti
- Liema aspett tar-realtà issibha diffiċli taffaċċja?
iii. Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.
Jien u miexi, u nsaqsi x’tip ta’ presenza nixtieq li nkun, jien u nara kif jinterpretawni l-oħrajn – ħażin u tajjeb – niltaqa’ mal-istedina biex inkompli miexi, biex ma ninżilx nadura lili nnifsi, ma nagħmilx lili nnifsi ċ-ċentru, ma noqgħodx iddefendi lili nnifsi, inkompli miexi u nintelaq b’mod sħiħ f’Alla, ħalli jien u nġorr il-konsegwenzi tal-mixja wara Kristu, naħsad il-frott tal-imħabba tiegħu … għax l-imħabba dejjem titlob li ma nadurax lilek innifsek!
Irrifletti
- X’tixtieq issaqsi lil Ġesù?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.