Titlifx il-ħajja.

Titlifx il-ħajja.

Niċċelebraw is-27 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna (Salm 127)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

(Mk 10:2-16)


Riflessjoni u talba:

i. biex iġarrbuh staqsewh…

Kemm hu faċli inpoġġi lili nnifsi ‘l fuq minn kollox u minn kulħadd
flok niltaqa’ mal-persuni u nfittex il-verità, nitkellem magħhom biex
inġarrabhom, inġibhom darhom mal-ħajt,
inxejjen it-tajjeb li qed jgħidu.
Kemm hu faċli niġġustifikaw il-posizzjoni ta’ min hu b’saħħtu,
anke jekk ifisser disprezz u ħsara fuq persuni oħra: il-mara, it-tfal, il-migrant.

  • Fejn mistieden tiftaħ għajnejk u tinduna bid-diskors maħdum biex jipperpetwa l-inġustizzja?


ii. Weġibhom u qal…

Ġesù jikkomunika minn post differenti:
mhux billi jitla’ fuq iżda
billi jinżel … qrib …
tad-dinjità ta’ kull persuna,
il-kuxjenza tal-parti li qed tiġi użata, iddiskriminata, meqjusa bħala oġġett;
iwassal ir-ruħ ta’ kull relazzjoni:
il-ħarsien ta’ Alla ta’ kull naħa u mhux il-protezzjoni ta’ min hu kapriċċuż.

 

Irrifletti

  • Min huma l-persuni li faċli jiġu injorati, użati u mormija?


iii. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom …

Ġesù mhux indifferenti,
jinkorla
kull fejn iċ-ċkejken jiġi miċħud mid-dritt li jeżisti,
kull fejn iż-żgħir ma jiġix milqugħ
kull fejn il-bniedem jitlef il-kapaċità li jilqa’
kull fejn id-dixxiplu jibda jitlef l-umanità tiegħu u jibda jpoġġi lilu nnifsu ‘l fuq mill-oħrajn
kull fejn il-bniedem jinsa li anke hu jibqa’ ċkejken, fraġli
jew aħjar kull meta l-bniedem jibża’ minn din il-verità
u jagħżel triq żbaljata: dik li jaħtaf u jikkontrolla.
Jinkorla meta
nitilfu l-verità li l-ħajja, s-Saltna tilqagħha bħal tifel ċkejken
u tista’ tilgħab u tiżfen hekk kif idduq il-ġenerożità infinita t’Alla miegħek.

Irrifletti

  • Fejn mistieden tirbaħ il-biża’ u tikber fil-fiduċja?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.