Mod aħjar kif tara.

Mod aħjar kif tara.

Niċċelebraw is-26 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb. (Salm 18)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.

U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex”. (

Mk 9:38-43,45,47-48)

pexels/jill burrow: to open or close possibilities: that is the question

Riflessjoni u talba:

i. Ridna nżommuh.

Id-darba l-oħra ippruvajna inkeċċu spirtu ħażin u ma rnexxielniex!
Jiġi dan minn imkien u irnexxielu?
Inżommuh (aħjar ma jsirx ġid milli nidher inqas jien!!)

Inżommuh.Dan mhux fil-grupp tagħna.
Ġesù għalina … tagħna … biss.
Inżommuh (aħjar ma jsirx ġid, milli l-grupp l-ieħor ikollhom il-qawwa ta’ Ġesù wkoll).

  • Fejn tara sinjali tal-għira? Kif iċċajpar il-viżjoni?
pexels/stephan muller: so simple yet so deep


ii. Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija.

Ġesù jeħles lid-dixxipli mill-meskinità.
Jibdel l-orjentazzjoni:
minn ħarsa fuqi nnifsi – kif ser nidher aħjar mill-oħrajn –
minn użu tal-grupp bħala protezzjoni u attakk fuq l-oħrajn,
jgħaddina għal ħarsa fuq it-tajjeb,
jiftħilna l-possibilità li nifirħu kull fejn hemm it-tajjeb:
imqar tazza ilma tferrħek!
Ġesù mhux “oġġett” biex insir superjuri fuq l-oħrajn,
Iżda “Messija” li jiftaħ l-għejun tat-tajjeb kull fejn possibbli.

 

Irrifletti

  • Fejn qed tara t-tajjeb iseħħ? X’iġib fik?  Ferħ jew għira?
pexels/maksim goncharenok: challenge evil, open possibilities


iii.  Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija …

Hemm hena ieħor li jiżblokka Ġesù bil-mod kif jara l-affarijiet.
“Ħenjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”.
Mhux tinkedd għat-tajjeb li qed jagħmel ħaddieħor,
iżda titnikket għall-ħażin li jagħmel ħsara –
speċjalment il-ħsara lil min hu ċkejken,
il-ħsara li twaqqaf il-proċess ta’ fidi, tama, mħabba f’persuna.
U min jitnikket għall-ħażin,
jaħdem biex iwaqqfu:
kemm jekk f’ħaddieħor
u kemm jekk fih innifsu:
“jekk riġlek okkażjoni ta’ dnub …
Ħu azzjoni konkreta …”
U tiskopri l-faraġ ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt u ħażen.

Irrifletti

  • Fejn qed tagħmel kompromessi mal-ħażen: biex tgħatti dak li hemm fik jew fil-grupp tiegħek.

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.