X’inhu l-pass li jmiss?

X’inhu l-pass li jmiss?

Niċċelebraw il-31 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi! (Salm 17)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.
Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.
Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

(Mk 12:28b-34)

pexels/ali arapoglu: humble search for truth (also called freedom)

Riflessjoni u talba:

i. Wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh:

Hemm mumenti fejn bħal Pietru wieħed imur fuqu u “jlumu”
oħrajn fejn bħal Ġakbu u Ġwanni nordnawlu: “irriduk tagħtihulna”
jew bħal Fariżej, kittieba, sadduċej niċċirkundawh biex nidfnu dak li qed jgħid u anke lilu!

Imma dan il-kittieb mhux hekk:
jersaq, jistaqsi, jidħol fi djalogu, lest li japprezza u jwieżen skont dak li jqarreb lejn il-verità
jaf japprezza risposta tajba – “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem” –
jaf jaqsam dak li skopra hu: “Iva, li tħobb … aqwa minn kull sagrifiċċju…”


Irrifletti

  • Ġib il-memorja ta’ konversazzjoni sabiħa ta’ tfittxija tal-verità.
pexels/karina: listen … love … live


ii. L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! … Ħobb …

L-ewwel kmandament jibda milli “tisma’”:
mhux ordni, forza li tikkontrollak;
Shema: timplika li tisma’ imma wkoll li temmen, tafda, tirċievi.
Is-smigħ ipoġġik fi vjaġġ li jwasslek biex issir taf, tiltaqa’, tirċievi:
“Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu”.

U inti u tilqa’/tirċievi lil dak li hu Alla, Mulej wieħed
issib li bil-mod il-mod il-qalb tiegħek, li tissielet ma’ “elf għaliex”, elf vuċi, elf aspettativa
u tant ordnijiet – min iġebbed minn hemm u min minn hawn –
issib li l-qalb qed tfiq mill-frammentazzjoni: ħaġa waħda meħtieġa…

U inti u tilqa’/tirċievi lil dak li hu Alla, Mulej wieħed
issib li l-qalb qed tissaffa mill-ġibdiet li jifirduha –
l-ħsibijiet il-ħżiena, żina, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha (Mk 7, 21-22) –
u ssir persuna ħielsa li tħobb:
mhux bil-fors iżda bil-ferħ ta’ min skopra s-sigriiet tal-ħajja.

 

Irrifletti

  • Il-kmand “Isma’/ħobb” kif jagħti sens lil dak kollu li tagħmel f’ħajtek?
pexels/angela roma: never close the door to the Kingdom of God


iii. Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”

Ġesù jgħix dak li jgħallem:
ikompli d-djalogu,
japprezza t-tajjeb u jibni ‘l persuna,
jgħinha tkompli l-vjaġġ u ma teħilx.
 
Hemm sens ta’ libertà:
mhux sens ta’ kontroll,
ta’ naħa superjuri għal oħra,
ta’ naħa dipendenti fuq l-oħra
 
L-imħabba tirbaħ il-medjokrità u l-għeluq
terġa tiftaħ għall-milja, għal Alla, għas-saltna tiegħu.

Irrifletti

  • X’inhu l-pass li jmiss? 

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.