Raġġ ta’ dawl qalb l-għajat.

Raġġ ta’ dawl qalb l-għajat.

Niċċelebraw it-30 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! (Salm 125)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.

Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.

U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.”

(Mk 10:46-52)


Riflessjoni u talba:

i. Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat

Għajat! Storbju sħiħ!
Għajat li jipprova jsikket.
Uħud għax komdi li xi ħadd jibqa’ fil-ġemb tat-triq waqt li huma fiċ-ċentru.
Oħrajn għax ma ssugrawx joħolmu xi ħaġa aħjar u jitolbu huma wkoll.
Forsi uħud għax l-idea t’Alla hija ta’ wieħed li jikkmanda u jmexxi mhux li jisma’ u jieqaf.
 
Imma hemm qawwa akbar mill-għajjat li jsikket u jitfi:
il-karba ta’ min “sema’ li kien Ġesù ta’ Nażaret”
it-talba tal-fidi u l-fiduċja: “Bin David, ikollok ħniena minni!”

Irrifletti

  • Liema vuċi qed tgħajjat l-aktar: dik li ssikket jew dik li ħierġa minn fiduċja?


ii. Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”.

Il-bully jasal, jirnexxi, jgħaġġel, jgħaffeġ.
Ġesù mhux hekk: kapaċi jisma’ u jieqaf.
 
U f’dik il-waqfa terġa tibda l-opra tal-ħolqien:
Il-folla li ssikket issir il-folla li ssejjaħ
Il-kaos ta’ għajjat isir ordni, djalogu, relazzjoni:
“Sejħulu”
“Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”
 
U minnufih reġa beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

 

Irrifletti

  • Fejn mistieden tieqaf? Liema kaos għandu bżonn kelma?


iii. Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”.

F’nofs il-folla li ppruvat issikket
Ġesù isib il-ħin biex jisma’,
l-umiltà li ma jassumix xi jrid Bartimew,
jew il-ħin li jrid Bartimew biex jiskopri aktar.
 
Lil “Bar-Timew” – “Iben l-Onorat” –
lil dak li spiċċa umiljat fil-ġemb,
jerġa jagħtih l-unur qabel ma jerġa jagħtih id-dawl.
 
U jagħtih id-dawl biex jerġa jħares lejn in-nies kif iħares lejhom Ġesù,
u jibqa’ miexi warajh
u jsir kapaċi biex hu ukoll jieqaf u jisma’
u jrodd l-unur lil kull min jispiċċa fil-ġemb tat-triq.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fuq il-mistoqsija li qed jagħmillek Ġesù bħalissa: “Xi tridni nagħmillek?”

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.