Agħmel hekk u tgħix!

Agħmel hekk u tgħix!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-15-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Għajtu bil-ferħ lil Alla.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.


Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

(Lq 10:25-37)

pexels/james lee: alive

Riflessjoni u talba:

i. “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”

Fejn ried jilagħbu lil Ġesù?
Forsi għax biex tiret irid imut xi ħadd?
Jekk hu hekk, il-“ħajja ta’ dejjem” tiġi daħqa fil-wiċċ, kontradizzjoni, ma teżistix.
Jekk hu hekk, kollox paroli fil-vojt:
fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jiġbed għal xawwatu,
u kulma nfittex kif se nsalva jien!

Irrifletti

  • Kif tqum fik il-mistoqsija fuq il-ħajja u l-ħajja ta’ dejjem?
pexes/ricardo esquivel: to live is to reach beyond yourself


ii. “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”

Hemm mod ieħor kif tiret il-ħajja ta’ dejjem!
Mhix bħalma tiret flus u propjetà.
Kulma trid tagħmel biex tiret il-ħajja ta’ dejjem
huwa li tgħix il-ħajja li diġà rċevejt.
U l-unika mod kif tiret, kif tidħol fil-ħajja, kif tgħix,
mhux li jmut xi ħadd iżda li tidħol fiż-żifna mal-għajn tal-ħajja,
ma’ Dak li hu Imħabba,
ma’ Dak li dejjem jinkludi nies oħra fiż-żifna.
Newwel idek lil Alla u ħallih jiftaħ iċ-ċirku billi tnewwel idek lil ħaddieħor;
Ħobb lil Alla … ħobb lill-proxxmu…

Irrifletti

  • Fejn tara s-sinjali tal-ħajja? Kif jgħinuk tapprezza l-verità tal-Evanġelju?
pexels/pixabay: to live is not to rush but to walk with.


iii. Rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer … rah u tħassru. Resaq lejh … ħa ħsiebu

il-ħallelin … l-ebda ħjiel ta’ ħajja fihom
min jaqa’ f’nofshom jispiċċa mneżża’, mbiċċer, mitluq għal mejjet.

il-qassis u l-levita …
immexxija mill-biża’(mit-tbatija u mill-mewt):
jagħżlu li jmorru n-naħa opposta (jagħżlu li ma jersqux qrib)
jagħżlu li jibqgħu sejrin (meta fil-fatt imwaħħlin)

is-Samaritan
iħalli l-ħajja tmissu,
iħalli li qalbu tinqasam, tħabbat, tgħix,
jagħżel li jersaq qrib fejn baqa’ tama ta’ ħajja,
jagħżel li jieħu ħsieb.
Waqaf … imma fil-fatt il-ħajja tiegħu għada sejra … għal dejjem!

Irrifletti

  • Fejn mistieden tħobb?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.