Meta tilqa’
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-16-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Għajtu bil-ferħ lil Alla.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.
(Lq 10:38-42)
Riflessjoni u talba:
i. … u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta
Ma jimponix!
Jiddependi fuq xi ħadd li jilqgħu.
Meta ma laqgħuhx f’raħal fis-Samarija,
baqa’ miexi,
ma użax forza kif riedu “ulied ir-ragħad”:
“tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom” (Lq 9,55).
Issa sab min jilqgħu:
mara
li għandha isem
Martha
isem li baqa’.
Irrifletti
- Fejn tara esperjenzi sbieħ ta’ ospitalità?
ii. “Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi…”
Li tilqa’:
mhix l-aktar ħaġa komda …
Inkun nixtieq
li ma jinbidel xejn mir-ritmu normali tiegħi,
li nibqa’ bl-istess mentalità,
li ma nċaqlaqx l-ideat u ċertezzi tiegħi.
Dak naf!
Insib ċertu sigurtà!
Anke jekk hemm ċans li tkun sigurtà falza!
Irrifletti
- Fejn tħossok sfidat fiċ-ċirkustanzi preżenti?
iii. “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa.”
Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla!
Marta, li laqgħetu,
sabet li qed tilqa’ wkoll lil min offrielha ċ-ċans
li tagħti isem lill-frustrazzjonijiet
li tidentifika t-tħassib u l-inkwiet żejjed
li tiżviluppa l-ħila tagħha li tagħżel il-prijoritajiet.
Fetħilha beraħ il-bieb biex tesplora …
mhux biss il-kapaċitajiet tagħha fil-kċina
iżda fil-qalb u f’kull qasam tal-ħidma t’Alla fid-dinja:
il-mara wkoll mistiedna tkun dixxipli tal-Imgħallem!
Irrifletti
- Fejn qed tiskopri possibilitajiet ġodda?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.