Stenna ftit!

Stenna ftit!

Niċċelebraw l-Evanġelju tad-19-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.


Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: ‘Sidi jiddawwar ma jiġi’, u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għall-għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”.

(Lq 12:32-48)

pexels/sharefaith: trust

Riflessjoni u talba:

i. Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!

Jibda bil-kelma “Le”
bħal donnu qed jisma’ t-thewdin tagħna,
it-taqtigħat mal-biżgħat,
xħin nitħabtu mal-fraġilità u ċ-ċokon
mal-insigurtà u l-ebda prospettiva ta’ futur.
 
“Le”, qed jgħidilna, “itfgħu l-ħarsa fuq il-futur li qed jiftaħ min għoġbu jħobbkom”.
 

Irrifletti

  • Liema ħsibijiet tixtieq twaqqaf bil-kelma “le”?
pexes/nathan salt: focused


ii. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom
.

Hemm fiduċja li tiżblokka enerġija,
li tagħti lok għall-kreattività,
li teħles mit-telqa,
li tibni determinazzjoni.
 
Hemm imħabba
li tevita d-distrazzjonijiet
li twassal għal għażliet għaqlin.
 
Hemm ferħ interjuri li jdawwal anke l-lejl twil.

Irrifletti

  • Xi  jfisser tgħix il-ġurnata fit-tfittxija t’Alla?
pexels/massoud hosna rokh: wise


iii. “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli?

Kultant m’għandniex paċenzja nistennew,
nippreferu naħkmu biex immexxu
nimmanipulaw biex inġibu n-nies fejn irridu
jew ingawdu l-mument għax għada min rah.
 
Imma hemm l-istennija ta’ min hu għaqli
li jaf jiżra u jagħti spazju lil ħaddieħor biex jikber
li jaf ma jfittixx is-suċċessi apparenti għax jgħożż il-prinċipji
li jibqa’ jimxi b’mod ġust anke meta kollox jgħidlek li min iħawwad jirnexxi
li jibqa’ jħobb fit-tbatija anke meta kull riklam jgħidlek “kul u tpaxxa”.

Irrifletti

  • X’ġie afdat f’idejk? X’jispira fik l-Evanġelju?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.