Il-kuraġġ li tmiss il-ferita.
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-20 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mulej, fittex għinni.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa min-nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.
(Lq 12:49-53)
Riflessjoni u talba:
i. “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!”
Il-bidwi li jħobb l-art u jieħu ħsieb il-prodott,jaqla x-xewk u l-ħaxix ħażin,
u jaħarqu.
Il-Mulej li jħobb l-art u jieħu ħsieb it-tajjeb fina,
jinkedd
quddiem id-dnub u l-ħażen,
il-korruzzjoni u l-qerda tal-art,
l-indifferenza u l-kilba li taħtaf u tferi,
l-isfruttament u l-logħob bil-kliem li jiġġustifikah,
u kemm jixtieq li dan il-ħażen jaqbad u jinqered.
Irrifletti
- Liema ħażen tixtieq il jinħaraq?
ii. “Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!”
Iżda l-imħabba ta’ Ġesù
tmur lil hinn …
Jinżel fil-fond, “jitgħammed”, jitwaħħad mal-art u l-bniedem,
isir id-dielja,
iġorr fuqu l-effett tax-xewk u l-ħaxix ħażin,
iħares l-art bl-għeruq li joffri,
u jagħtina l-qawwa minn ġewwa
sabiex nissaportu ż-żabra
u nistgħu nagħtu l-frott.
Irrifletti
- Fejn għandek esperjenza ta’ tbatija frott l-impenn biex ittejjeb l-affarijiet minn ġewwa?
iii. “Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda.”
Iġib firda
kull meta jitkellem kontra tip ta’ tkabbir li jġib l-flus iżda jwassal għal dipendenza u tbatija tan-nies;
kull meta jikxef l-inġustizzji li jkissru lil min hu “ċkejken”;
kull meta jitkellem favur il-ħajja umana fraġli u ngħidu “basta ma jkollix niċċaqlaq jien”;
kull meta jiftaħ tieqa għad-dawl u nippreferu d-dlam tal-gidba;.
Iġib firda
iżda mhux bħal min jifred lin-nies biex jeżerċita poter u ħakma
iżda l-effett ta’ min għandu l-kuraġġ li jikxef il-ferita biex ifejjaq:
ir-reżistenza ta’ min hu komdu bis-sitwazzjoni ħażina u jwaqqaf lil min qed jipprova jfejjaq.
Irrifletti
- Fejn għandek esperjenza ta’ nies li bil-kuraġġ u bl-umiltà jgħidu l-affarijiet kif inhuma?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.