Fittxu l-kwalità!
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd tas-sena
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.
Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.
Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.
(Mt 5:20-22a, 27-28,33-34a,37)
Riflessjoni u talba:
i. Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej … Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.
Hemm sitwazzjonijiet fejn imxejna bħall-Fariżej:
infittxu l-minimu possibbli, l-aqwa li nidher rispettabbli!
Bil-mod il-mod iżżerżaqna, ittollerajna,
“u ijja!”.
Imma illum qed nisma’ vuċi li tqajjimni għal ħajja “ħafna aħjar”:
li żżommni attent għall-persuni;
attent, għax kelma dispreġġjattiva jew razzista
qalb magħluqa jew li tbejjet f’qalbha
tista’ twassalni biex inkun kompliċi fi qtil!
Irrifletti
- Liema taqtiegħa hemm f’qalbek bħalissa?
ii. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.
Qed niftakar meta mar iż-żagħżugħ għani fuq Ġesù:
ħares lejh bi mħabba, qallu kliem li jispira, ħallih f’libertà xħin għażel mod ieħor.
Jiġini f’moħħi Pietru wara li caħad:
il-memorja tal-ħarsa ikkunslatu,
l-imħabba tara lil hinn mill-iżball u qatt tumilja.
U l-ħarsa lejn Marta xħin marret tkellmu fuq Marija jew fuq Lazzru:
il-ħbiberija tispira kunfidenza, libertà, relazzjoni.
Nitolbu jdewwi l-għajnejja
meta nħares lejn il-persuni bħala oġġett li rrid naħkem,
li nista’ nuża għall-ambizzjonijiet tiegħi,
li nfittex biex nagħmel tajjeb għall-insigurtajiet li għandi.
Irrifletti
- Kif tħares lejn l-oħrajn?
iii. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.
Nifraħ xħin niltaqa’ ma’ persuni li mxew
li għandhom libertà interjuri kbira
li dak li jagħmlu, jagħmluh mhux għax bilfors
mhux għax hemm kmandament miktub
mhux għax hekk jgħidu l-liġijiet tal-pajjiż
jew għax hekk jistennew in-nies;
iżda għax konvinti u jridu jagħmlu dak li hu tajjeb
għax jieħdu gost jagħmlu dak li qed jagħmlu
li jfittxu mhux kif ser iduru mal-liġi iżda kif se jimxu ta’ nies
li taf li mhux ser jidħku bik.
Irrifletti
- X’imexxik f’dak li qed tagħmel? Xi stedina jagħmillek il-Vanġelu?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.