Tibqax tistaħba!

Tibqax tistaħba!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tas-sena

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.
Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

(Mt 5, 13-16)

pexels/cottonbro: don’t be afraid to step in … it’s the only way to be

Riflessjoni u talba:

i. Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma?

Għandkom qawwa
li ġġib gost fejn l-ikel bla togħma
li tkun pilastru fejn il-bini magħmul bl-addoċċ
li ġġib kwalità f’ambjent superfiċjali
li toffri sens fejn hemm biss clickbaits
li tispira prinċipji fejn kollox jgħaddi.
 
Imma jekk anke inti bħala nisrani, ma tispira xejn sew,
s-sitwazzjoni gravi!

Irrifletti

  • Liema persuni jispirawk bil-kliem jew bl-aġir tagħhom?
pexels/pixabay: to enlighten is a non-violent act


ii. Intom id-dawl tad-dinja.

Irċevejtu dawl
u kapaċi ġġibu ċarezza fejn hemm konfużjoni
tnisslu sabar f’min qed jara biss dlam
tiftħu l-għajnejn ta’ min ġie mqarraq
iġġibu għarfien ta’ xulxin fejn hemm is-suspett u l-firda
toffru kliem li joħroġ fil-beraħ l-imħabba u t-tajjeb.
 
Imma jekk qed tibqa’ indifferenti għal min qed jokrob,
mhux qed tissogra li toħnoq il-musbieħ inemnem?

Irrifletti

  • Hemm xi persuna li taraha bħala dawl bħalissa? Liema kwalitajiet għandha?
pexels/min an: the world needs your voice


iii. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ.

Veru (li belt fl-għoli ma tgħattihiex),
imma kultant infittex li ninħeba –
ġieli bl-idea li ma noqgħodx infittex li nidher
kultant minħabba l-għażż
drabi oħra għax nibża’ mill-kritika jew ż-żufjett,
mill-irwiefen li jqumu jew għax nistenna li l-ewwel suppost inkun perfett.
 
Però tarbija tibda timxi xħin tara l-idejn miftuħa quddiemha
żagħzugħ joħlom xħin isib dawl maġembu mhux floodlight f’għajnejh
soċjetà tqum fuq saqajha meta jqumu mexxejja kuraġġużi
il-Knisja tiġġedded meta jkollha qaddisin li jirbħu fuq il-medjokrità.

Irrifletti

  • Fejn qed tfittex li tinħeba?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.