Rigal uniku!
Niċċelebraw l-Evanġelju ta‘ Pentekoste
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
(Ġw 20, 19-23)
Riflessjoni u talba:
i. Meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Għand dawk imbeżżgħa mill-Lhud
- mill-aggressività minn barra
u s-sens ta’ falliment u ta’ ħtija minn ġewwa
- Ġesù rxoxt u rebbieħ
ma jiġix bi prepotenza u sens ta’ superjorità
imma bħall-ilma li jfawwar b’mod ħiemed,
biex fejn hemm nixfa jreġġa l-ħajja:q
“Is-sliem għalikom!”
Irrifletti
- Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
- fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
- lill-miġruħ agħtih fejqan.
ii. Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”
Lil dawk bil-bibien magħluqa
li għalihom spiċċa kollox
fejn il-preżent ma’ jarax futur
u l-passat sempliċiment mażra,
lil dawk sfiduċjati u li l-biża’ jipparalizzahom,
l-Irxoxt iqanqal
fiduċja, ċaqliqa, ħarsa ‘l barra,
futur, proposti, impenn;
jagħti l-Ispirtu, li ġej mill-Missier u mill-Iben:
“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”.
Irrifletti
- Rattab fina l-ebusija,
- agħti lill-berdin bżulija,
- għin fit-triq lil min beżgħan.
iii. Nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Lil dawk li ċaħduh u ttradewh,
li ppreferew jaħarbu milli jibqgħu
jagħtihom sehem mill-Ispirtu tiegħ
Uil-qawwa li jesprimu l-ogħla espressjoni ta’ mħabba
li kapaċi tiftaħ il-bibien imbarrati tal-qalb:
il-maħfra
imħabba ġeneruża
imħabba għall-ebda raġuni oħra
imħabba anke meta ssib bil-kontra.
Irrifletti
- O Missier il-foqra tiegħek,inti ġġib id-doni miegħek, tagħni b’dawlek qalb l-ulied.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.