Kollox miġbur fiċ-ċokon!
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.
(Ġw 6, 51-58)
Riflessjoni u talba:
i. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.
Ma jagħtix biċċa żgħira
mill-bogħod
bla interess u bla ebda impenn
iżda jpoġġi lilu nnifsu kollu kemm hu
għall-ġid sħiħ
għall-ħajja tad-dinja
mhux għalih innifsu iżda għal min iħobb:
min jirċevih iduq l-interess etern t’Alla.
Irrifletti
Xi jfisser għalik il-kliem “Dan hu ġismi li jingħata għalikom”
ii. “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”
Kif jista’ xi ħadd jinsa lilu nnifsu
biex jaħseb fik?
Kif jista’ xi ħadd ipoġġi l-interess tiegħek
bla ebda interessi?
Kif jista’ jaħseb fik
bla ma jikkalkula x’ser jiggwadanja?
Kif jista’ jibqa’ jħobb
wara li ġismu mlejnieh ġrieħi?
Għadek tista’ ssib xi ħadd
li ma jidħakx bik?
Irrifletti
X’inhi l-mistoqsija tiegħek?
iii. Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.
Nista’ nibqa’ ngħix kif naf
jew kif nara madwari:
inqabbel fejn jaqbilli
niġbed lejja
nifred biex nirrenja
inqarraq biex nakkwista
nagħlaq għajnejja biex ma narax
u qalbi biex ma nitlifx il-kumdità
Imma nista’ nirċievi, niekol il-ġisem ta’ Bin il-bniedem
ninħeles mid-disperazzjoni ta’ meta naħseb li ma niswiex
nemmen li maħbub u mhux mormi
nirċievi u mhux naħtaf
u bil-mod il-mod
inħalli l-ħajja tirxoxta fija
il-pon jinfetaħ
u jien ukoll inwassal tmellisa, għożża, għotja
u jien ukoll miegħU ngħid “Dan hu ġismi li jingħata għalik”.
Irrifletti
Xi jfisser għalik il-kliem “min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.