Stedina

Stedina

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-28 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.


U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.
Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”.

Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”.

(Mt 22, 1-14)

pexels/picas joe: refusal

Riflessjoni u talba:

i. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

Hemm stedina għal dak li hu aktar fil-ħajja,
għas-sabiħ, għall-festa,
li tingħaqad mal-ferħ ta’ ħaddieħor.
 
U hemm reżistenza, għeluq, rifjut:
Ma nissugrax niċċaqlaq, noħroġ barra minni nnifsi, ninbidel.

Irrifletti

  • Fejn kellek stedina biex tiskopri aktar fil-ħajja?
pexels/collines omondi: no space for something else


ii. 
Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom.

Kultant ma narax fil-bogħod,
ma nirrealizzax l-implikazzjonijiet tas-sinjali t’Alla.
 
Kultant naljena rasi b’dak li għandi nagħmel,
bir-rutina li tnessini l-iskop veru tal-ħajja.
 
Drabi oħra nirreżisti b’mod vjolenti:
l-importanti li ma niċċaqlaqx minn fejn jien, minn dak li naf s’issa, mill-kumdità.

Irrifletti

  • Ġieli teħel? Għaliex?

pexels/matheus bertelli: celebrate


iii. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu.

Imma s-Sultan jibqa’ jsejjaħ!
Il-bniedem maħluq għall-ferħ,
għall-festa, għall-għaqda, dinjità!
 
U l-bniedem jista’ jidħol fiha, “ibiddel”, jagħmilha tiegħu, jgħixha.
U jista’ jibqa’ jirreżistiha, jibqa’ passiv, spettatur.
Iż-żewġ ħajjiet m’humiex l-istess.

Irrifletti

  • X’bidla titlob minnek il-ħajja t’Alla?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.