Kliem.
Niċċelebraw l-Evanġelju tad-29 Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.
Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.
(Mt 22, 15-21)
Riflessjoni u talba:
i. Il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma.
Hemm kliem li jintuża’ bħal mansab:
biex jaqbad
biex jikkontrolla
biex jinnewtralizza u jrażżan
biex il-ġwienaħ ta’ persuna jiġu fix-xejn.
Irrifletti
- Kif tiddistingwi bejn għaqal u manipulazzjoni?
ii. Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares.
Hemm kliem sabiħ li hu kollu veru
anke dwar Ġesù:
il-passjoni, il-kwalitajiet,
il-libertà, is-sens ta’ ġustizzja tiegħu.
Hemm kliem veru li jitpoġġa b’mod sabiħ bħal bżar fl-għajnejn
biex jaljena l-persuna u ma tibqax tara ċar,
biex jimla l-persuna biha nnifisha u tinsa l-missjoni tagħha
biex jiżgwida lil dak li jkun ħa jfittex x’jaqbel lilu mhux x’jaqbel verament!
Irrifletti
- Fejn jieħdok il-kliem ta’ tifħir?
iii. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.
Hemm kliem li hu veru
għax ħiereġ minn qalb safja u umli
għax ġej minn min ifittex is-sewwa mhux li jaqbillu.
Hemm kliem veru li jagħti l-ħajja
li jpoġġi l-prijoritajiet f’posthom u allura d-deċiżjonijiet ukoll:
Ċesari mhux Alla (u qatt floku jew qablu;
qatt tuża’ lil Alla għas-servizz ta’ Ċesari);
il-flus mhux kollox;
l-istudent ma jgħix biċ-ċertifikati biss;
il-fama wara ftit tisfuma…
Irrifletti
- X’tixtieq tagħti lil Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.