Taqbida tal-fidi.

Taqbida tal-fidi.

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tieni Ħadd tal-Għid

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax it-tjieba tiegħu għal dejjem!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

(Ġw 20:19-31)

pexels/jubair hosen junet: fear blocking the way

Riflessjoni u talba:

i. Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”

Il-biżà’ tipparalizza
u l-bibien jibqgħu magħluqa!
 
Ġesù ma jifqax il-bibien
u lanqas juża’ kliem ta’ akkuża, kundanna jew vendetta!
 
Ilissen “is-sliem għalikom”
u l-ħitan jibdew jinħattu.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit mal-kliem “Il-paċi miegħek”.
pexels/isaac weatherly: dead end?


ii. 
Iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”.

Jekk dak li qal lil Tumas “Jien it-triq, il-verità u l-ħajja”
spiċċa vittma tal-gideb, f’salib it-toroq li kollha jwasslu għall-mewt,
ma jagħmilx sens li temmen!
 
Imma jekk l-Irxoxt iġorr il-marki tal-gideb imma akbar minnhom,
imbagħad storja oħra!

Irrifletti

  • X’inhu li jwasslek biex titlef il-fiduċja f’kollox?

pexels/eugenio felix: a love that is trustworthy


iii. Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”.

Bħall-bidwi li jdejh iġorru l-marki tal-għodda li ħaddem ta’ kuljum
bħall-mużiċisti li s-swaba tagħhom jixhdu r-rabta twila mal-istrumenti li jdoqqu
il-pjagi ta’ Kristu jikxfu l-profondità tal-imħabba eterna t’Alla!

Imħabba hekk nista’ nafda ħajti fuqha!
Imħabba li ma tieqafx fuq erba’ inspirational quotes
imma tersaq qrib tal-problemi tan-nies u ġġorrhom magħhom
tista’ ssib wens fiha.
Imħabba li toffrilek sfida u mhux tinjorak
tista’ ssib futur fiha.
L-imħabba hija t-triq, il-verità u l-ħajja.

Irrifletti

  • X’jfisser għalik li tgħid “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.