Qum minn hemm! Għix!

Qum minn hemm! Għix!

Mument ta’ talb: It-28 Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Inħallu lil Alla jissorprendina:

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu,
u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.
Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi;
tal-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina;
ħadd ma jħabbatha miegħek!

Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem;
iżda huma ħafna biex insemmihom.

(Salm 40)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 22, 1-14)

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”.

 (Mt 22, 1-14)


Riflessjoni u talba:

Ġieli kien hemm xi opportunità tajba u tliftha?

Bħal plejer li ġietu okkażjoni tajba biex jiskurja iżda aljena ftit u tilef ċans tad-deheb! Tarah jaqbad rasu b’idejh? Immaġni fiżika li tgħinna nifhmu l-espressjoni li uża Ġesù: “hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”. Hemmhekk, fil-punt li tinduna li ħlejt ħajtek, il-waħda li għandek.

Jagħtina storja oħra biex jgħidilna “qumu minn hemm! Għixu! Titilfux l-opportunità li tgħixu ħajjitkom”.

Għax ħafna l-magħżulin iżda ftit il-magħżulin. 5 darbiet juża il-verb kaléo – li wieħed isejjaħ – u 7 darbiet il-kelma gámos – li tirreferi għall-festa (tat-tieġ).

Xi jżommna lura milli ngħixu l-ħajja? L-istedina għall-festa?

i. “Ma ridux jiġu?”

Kultant nista’ ngħix il-ħajja illuppjat.

Neżisti mhux ngħix.

Għax ma hemmx RIEDA, impenn għall-ħajja, sforz biex nieħu l-ħajja bis-serjetà!

Nintelaq!

Id-don tal-ħajja hemm bżonn li nagħżlu kuljum!
L-istess irrid nagħmel għall-impenn li ħadt (per eżempju il-fidi, iż-żwieġ, ħbiberija, professjoni). Jekk l-għażla ma nagħmilhiex tiegħi; ma nagħmilx il-pass u niċċaqlaq; inkun passiv; nagħmlu kollox b’nofs qalb: Il-ħajja ma nidħolx fiha. Mingħajr dak is-sagrifiċċju ma tidħolx fil-festa.

Allura x’hemm bżonn biex ngħix?

Irrid nibda minn ġewwa fija, mill-interjorità:  

  • Nagħżel li nagħmel sforz: x’jista’ jkun l-impenn ta’ din il-ġimgħa (re. fidi, relazzjoni, …)
  • Nibni fuq xewqa, passjoni, konvinzjoni: x’nixtieq f’ħajti?
  • Nitmexxa minn għan li nixtieq nilħaq: x’inhu t-tajjeb, s-sabiħ li lest nagħmel sagrifiċċju għalih?

ii. “ma tawx kas”

Ostaklu ieħor li jtellifna milli ngħixu, minbarra n-nuqqas ta’ rieda, hija n-negliġenza:

  • Inkun traskurat u superfiċjali
  • Ma nistmax d-don tal-ħajja
  • Nintilef f’interessi limitati ħafna (għalqa, negozju …) u ninsa l-iskop tal-ħajja
  • Naħseb li l-ħajja żmien bla limitu u naħli ż-żmien, nitlef il-mument preżenti
  • Inmaqdar u nwaqqa’ lil dawk li qed jistednuna għal livelli ogħla ta’ ħajja
  • Inkun passiv, nitgħażżen u nfarfar ir-responsabbiltà fuq ħaddiehor
  • Ngħix illuppjat: nevita li naħseb, li niżen jekk dak li qed jingħad hux veru jew le, hux qed jgħinna nibnu soċjetà aħjar jew le, jekk d-diskors li għaddej jisirqilniex il-kapaċità li nħobbu jew le.

X’hemm bżonn biex ma nkunx negliġenti quddiem d-don tal-ħajja?

Agħżel li tgħix kull ġurnata bħall-jum tal-Ħadd

  • Jew tgħix kull ġurnata daqs li kieku l-aħħar ġurnata ta’ ħajtek: fejn tagħraf x’inhu l-essenzjal tal-ħajja, tal-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. (Fil-Ġenesi, is-7 jum huwa il-milja tal-ħolqien; f’Ġesu, l-Ħadd huwa t-tmien jum, il-milja, ħajja ġdida)
  • Jew tgħix kull ġurnata daqs li kieku l-ewwel jum ta’ ħajtek: f’sens ta’ stagħġib ma taqax fir-rutina iżda tfittex li tiskopri d-dinja għall-ewwel darba, fil-possibilitajiet li tagħmel il-ġid fil-ġurnata li għandek quddiemek (fil-Ġenesi, għal Adam u Eva s-7 jum kien l-ewwel wieħed tagħhom. F’Ġesù, il-Ħadd huwa jum il-qawmien, l-ewwel jum taż-żmien li ma jispiċċa qatt).

Is-sors ta’ din l-idea ħadtu minn: https://www.thinkingfaith.org/articles/counting-sabbath-days-pandemic-days

iii. “mhux liebes għall-festa”

Ostaklu ieħor għall-ħajja huwa meta ngħix

bla radikalità,

bla ma nidħol għal bidla ġenwina f’ħajti,

bla ma nilbes lil Kristu, il-bniedem il-ġdid.

  • Hemm xi kwalità partikulari fi Kristu li qed tattirak aktar bħalissa? Xi eżempju ta’ xi ħadd li ġibidlek l-attenzjoni? Xi riflesssjoni li ċaqalqed xi ħaġa fik?
  • Xi tfisser għal ħajtek li tadotta dik l-attitudni? Fil-konkret, x’tixtieq tagħmel din il-ġimgħa?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.