Ħu r-riskju tal-ferħ!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tal-Għid
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla li jismagħni:
Kunu afu li l-Mulej
wera tjieba kbira miegħi;
jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.
(Salm 4)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa
F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħhom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż!
Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”. Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.
Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.
(Luke 24, 35-48)
Riflessjoni u talba:
i. “itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħhom xi ġralhom fit-triq”
Donnhom bidlu d-diska!
Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws telqu minn Ġerusalemm b’wiċċ imnikket jirrakkuntaw storja ta’ diżappunt, ta’ tamiet li ġew fix-xejn, ta’ tmiem (issa ġa għaddew tliet ijiem …)
Issa ġew lura Ġerusalemm b’rakkont ta’ xi ħaġa li żviluppat tul it-triq, ta’ għarfien waqt il-qsim tal-ħobż, ta’ possibilitajiet ġodda li qed jinfetħu u jiżviluppaw.
Mir-rakkont magħluq fil-passat jgħaddu għal rakkont li jiftaħ futur.
Irrifletti:
- Minn liema rakkont tgħix? Dak li jagħalqek fil-passat – nostalġija jew rimors? Jew dak li jiftħek għall-ġdid ta’ Alla?
- L-akbar riskju tan-nisrani huwa “Għid asintomatiku” – li n-nisrani ma juri l-ebda effett tal-qawmien.
ii. “Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba”
Kultant dak li jħawwadna huwa l-biża’ u t-tħassib fil-qalb.
Forsi fantażma! … u kollox bla sens u jispiċċa fix-xejn.
Imma kultant dak li jissorprendina u jżommna milli nemmnu huwa l-ferħ!!!
Nagħżlu li nirritornaw lura għal dak li naf: id-diżappunt, il-ġrieħi, il-mewt – dawk ta’ veru!
Ġesù
Joffri mistoqsija
Juri l-ġisem bil-marki tal-imħabba – il-ġrieħi li jfejqu
Jiekol xi ħaġa.
Mal-bniedem miġruħ, imħawwad u f’paniku,
Ġesù jersaq bil-paċenzja, jimxi pass pass, juri l-ġrieħi irxuxtati,
Ftit ftit, il-bniedem li tilef il-fiduċja fih innifsu u f’kollox,
Isib il-qawwa biex jaffaċċja sfidi ġodda.
Irrifletti
- Kien hemm xi esperjenza ta’ ferħ/hena/paċi tal-qalb? Tista’ tagħtiha aktar piż, temmen li possibbli? X’turik?
iii. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom:
“Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan.”
Trid tiftaħ moħħok sew biex tifhem li daqstant preparazzjoni hija biex Alla jieħu fuqu mingħandna l-ġrieħi, il-vjolenza, t-tbatija.
Imma meta l-Mulej jiftaħlek moħħok biex tifhem l-Iskrittura,
U “jlibbsek il-qawwa”
Imbagħad jibda vjaġġ li ma jispiċċax
Ta’ għarfien tal-grazzja fid-diżgrazzja,
Ta’ għarfien ta’ Kristu fil-ġisem ta’ ħutek miġruħa mill-oppressjoni,
Ta’ ħarsa li tislet it-tama fis-sitwazzjoni mudlama.
Ikkontempla:
- San Franġisk fassal il-prijoritajiet ta’ ħajtu fuq l-għarfien li tah Kristu. Kieku kellek tagħżel prijorità għal ħajtek xi tkun?
Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.
Fejn hemm il-mibgħeda,
ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
fejn hemm il-ħtija,
ħallini nferrex il-maħfra;
fejn hemm id-dubbju,
ħallini ndaħħal il-fidi;
fejn hemm il-qtigħ il-qalb,
ħallini nqawwi t-tama;
fejn hemm id-dlam,
ħallini inkebbes id-dawl;
fejn hemm in-niket;
ħallini nxerred il-ferħ.
La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ
milli nfarraġ jien;
la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor
milli nifhem lil ħaddiehor jien;
la tħallix li iżjed ikun maħbub,
milli nħobb jien.
Għax meta nagħtu,
aħna naqilgħu.
Għax meta naħfru,
aħna nkunu maħfura.
Għax meta mmutu,
nqumu għall-Ħajja ta’ dejjem.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.