Il-ħelsien tal-libertà

Il-ħelsien tal-libertà


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Milied

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Illum twildilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.
Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.
Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.
F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”.

(Lq 2, 1-14)

pexels/lukas: quest for freedom

Riflessjoni u talba:

i. GĦAX hu kien mid-dar u l-familja ta’ David

Noħolmu b’libertà bla limiti,
bla kundizzjonijiet,
impossibbli.
 
U nitfixklu meta naraw
li anke sempliċiment il-post fejn jitwieled
dak li bih sar l-Univers kollu
kundizzjunat miċ-ċensiment li vvinta Ċesari Awgustu,
u mill-familja li kien ġej minna r-raġel li laqa’ lil Marija.
 
Imma anke dak il-post li jidher li jillimita l-libertà,
fil-fatt jagħti tifsira lil kollox:
Betleħem – il-belt tal-ħobż.
Dak li twieled hemm – Ġesù – isalva l-istorja tagħna li kultant tidher bla sens,
Isir ikel għal ġuħ aktar profond.

Irrifletti

  • Hemm xi sitwazzjoni li ġiet b’sorpriża u tixtieq li tifhem is-sens tagħha?
pexels/anna tarazevich: freedom can start anywhere


ii. GĦAX ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda

Ħadd ma għandu jibda l-ħajja
bl-impressjoni li hu żejjed,
li ma hemmx post għalih,
li ħadd ma jridu;
aħseb u ara Dak li kollox sar bih u mingħajru ma sar xejn.
 
Iżda dak li spiċċa mwieled f’maxtura
għax ma kienx hemm post għalih fil-lukanda
bidel dak l-ispazju
sabiex anke sempliċiment il-ħaruf li ġie jiekol
isib stima u skop ġdid fil-Ħaruf t’Alla.

Irrifletti

  • Liema huma n-nies li ma hemmx post għalihom fil-“lukandi” ta’ llum?
pexels/luna lovegood: joy liberates freedom


iii. Tibżgħux, GĦAX araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.

Jekk il-libertà
tidher kundizzjonata, jew imxellfa,
mit-traġedji tal-ħajja
u l-kontroll tat-tirann
 
fil-fatt din il-libertà
hija meħlusa mill-biża’
GĦAX imħabbar lilha ferħ kbir,
GĦAX f’relazzjoni ma’ dak li jiġi
bħala Salvatur li hu Messija, il-Mulej!

Irrifletti

  • Liema ferħ jeħilsek mill-biża?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.