Innota!
Niċċelebraw l-Evanġelju tar-raba Ħadd tas-sena
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħenjin il-foqra fl-ispirtu.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.
(Mt 5, 1-12a)
Riflessjoni u talba:
i. Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet
Hemm persuni
li ma jagħmlu l-ebda ħaġa f’ħajjithom assolut –
l-ebda oġġett, l-ebda persuna, l-ebda idea.
Għandhom libertà kbira:
ma jitfixklux meta jiltaqgħu mad-dgħufija
fihom infushom, fil-persuni li kienu jidealizzaw, fl-oġġett prezzjuż
U jimtlew bil-ferħ quddiem it-tajjeb, is-sabiħ , il-veru –
rifless ta’ Alla –
f’oġġett, f’persuna, f’idea!
Irrifletti
- Liema persuna tfakkrek f’din il-beatitudni? F’liema mument tara lil Ġesù jgħixha?
ii. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa
Ġesù jagħti ħarsa ta’ niket meta jara l-qalb tal-Fariżej iebsa
jieqaf xħin jara n-niket tal-armla ta’ Najn
jibki xħin jara lil Ġerusalemm ma tapprezzax x’inhu ta’ ġid għalija!
Mill-qalb li kapaċi tinqasam ifur il-faraġ
xħin ir-raġel b’idu niexfa jsib il-kuraġġ li jiċċaqlaq
is-Samaritana tiġri b’ħajja ġdida
xħin f’Ġerusalemm id-dixxipli jieħdu deċiżjonijiet għaqlija bil-qawwa tal-Ispirtu.
Irrifletti
- Liema persuna tfakkrek f’din il-beatitudni? F’liema mument tara lil Ġesù jgħixha?
iii. Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena
Jiġu mumenti fejn naqraw kollox b’mod negattiv
fejn l-unika kliem jew azzjoni li joħroġ hu ta’ kritika, disprezz, qerq
u niskantaw kif fejn sqejna l-velenu ma jikber xejn.
Imbagħad tiġi persuna li tisma’ b’għożża, li tiżra kliem ta’ mogħdrija,
li tieħu azzjoni biex tfejjaq,
li toħlom il-ġid minkejja d-dlam li jtaqqal:
u tibda tinnota diversi jirriflettu l-eku tal-ħniena.
Irrifletti
- Liema persuna tfakkrek f’din il-beatitudni? F’liema mument tara lil Ġesù jgħixha?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.