Imħabba li ddewwi!

Imħabba li ddewwi!

Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tar-Randan – B

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi, jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu”. (Ġw 3:14-21)

pexels/wallace chuck: a God who cares

Riflessjoni u talba:

i. “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Is-serp jhedded minn taħt
Is-salib jgħaffġek taħtu
 
imma l-Mulej merfugħ
jerfa’ lilek ukoll
u fejn hemm Hu
it-theddida tal-mewt
tinbidel f’garanzija tal-ħajja ta’ dejjem
u l-post tal-falliment u t-tkaxkira
isir il-punt ta’ tluq ta’ ħajja aktar profonda.

Irrifletti

  • Liema ġrajja diffiċli saret għalik bidu ġdid?
pexels/arian malek khosravi: He humbled himself to lift us up.


ii. 
Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

Seta’ abbanduna d-dinja
Seta’ rrabja għad-danni li għamilna
Seta’ qata’ qalbu u telaq ‘l hemm
Seta’ ħadilna lura l-libertà biex noqogħdu bilqiegħda u ma niċċaqalqux
 
imma għażel mod ieħor:
li ma nintilifx – la fid-dettall, la fid-disprament, lanqas li ngħix ħajja frammentata;
li jkolli l-ħajja li tmur lil hinn mill-gost tal-mument, mill-materjal li jispiċċa, minn ħajja bla Alla;
 
għażel jħobb lid-dinja tant
li jagħti dak li hu l-aktar għażiż
b’libertà sħiħa.

Irrifletti

  • X’jagħtik il-ħajja?

pexels/jill burrow: stand in the light.


iii. Id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. 
 Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.

Hemm mumenti fejn nippreferu d-dlam
insibuha diffiċli nammettu x’sejjer żmerċ
naħsbu li nitilfu kollox jekk insemmu l-għemil ħażin
nippreferu ngħixu fil-biża’ li ninkixfu
u nġorru t-toqal ta’ dak li jherrina
milli l-libertà li ddewwi l-ġerħa.
 
Hemm mumenti fejn nersqu lejn id-dawl
fejn nippreferu ngħixu mill-verità ġewwinija milli ninġarru mal-kurrent
fejn nippreferu nieħdu parir sabiex nidentifikaw dak li ġej tassew minn Alla.
 
Ersaq lejn id-dawl … ara fejn hemm Alla f’għemilek!

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik tersaq lejn id-dawl?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.