Bħal ħabba tal-qamħ.
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tar-Randan – B
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Oħloq fija qalb safja, o Alla.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.
Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.
In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.
(Ġw 12:20-33)
Riflessjoni u talba:
i. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.”
Meta taqa’
u l-kontroll donnu jaħrab minn idejk;
meta taffaċċja l-mewt
u magħha t-terrur li jispiċċa kollox,
li kollox jieqaf hemm …
Imma hemm ukoll il-proċess tal-imħabba ġenerattiva
li ma tkunx ċerta jekk dik l-imħabba hux ser tintlaqa’
li tinsa l-bżonnijiet diretti tagħha biex tfittex il-ġid ta’ ħaddieħor
li tintelaq fil-preżent tal-inċertezza bi ftuħ għall-frott tal-futur.
Irrifletti
- Fejn tara rabta bejn il-parabbola u l-ħajja tiegħek?
ii. “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”.
Bħal fl-ort tal-Getsemani (gat shemanim = pressa taż-żejt)
Ġesù jgħaddi minn tlitt mumenti ta’ pressjoni kbira
ta’ taqbida mal-mument kruċjali tat-tbatija, tal-attakk tal-ħażen
tliet mumenti ta’ għasir
- eħlisni minn din is-siegħa
- imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa
- Missier agħti glorja lil ismek
Bħalma mit-tliet tipi ta’ għasir taż-żebbuġa
kienu joħorġu tliet tipi ta’ żejt –
tas-sbuħija, tal-ikel, għall-musbieħ li jdawwal –
hekk it-talb ta’ Ġesù quddiem din is-siegħa:
il-glorja ta’Alla, il-fidwa tal-bniedem, id-dawl fid-dlam.
Irrifletti
- Kif titlob fil-mumenti ta’ kriżi?
iii. “Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”.
Iż-żmien huwa ta’ kriżi
il-konsegwenzi fuqu nnifsu huma estremi!
Jaħrab?
Isir vjolenti?
Passiv?
“Il-ġudizzju qed isir issa!”
Jagħmel għażla radikali:
li jkeċċi l-Prinċep tal-ħażen
li ma jħallihx jikkundizzjonah
li jagħraf li r-riperkussjoni vjolenti għall-imħabba radikali tiegħu
jistgħu jinbidlu fis-sbuħija li tattira lill-bnedmin kollha
li ssalvahom milli jaħsbu li ma hemm ĦADD li jista’ jħobbhom tassew
li ssalvalhom milli jaħsbu li ż-żerriegħa ssalva meta tingħalaq fiha nnifisha
Irrifletti
- Hemm xi deċiżjoni li mistieden tieħu bħalissa?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.