Spiċċa kollox?

Spiċċa kollox?

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tal-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Faħħru lil Mulej għaliex hu tajjeb!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.


Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”


Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.


Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

(Ġw 20, 19-31)

pexels/mart production: what can overcome our fears?

Riflessjoni u talba:

i. Meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom ...

Qagħad f’nofshom
f’nofs dawk li bil-bibien magħluqa
li beżgħu u ħarbu
li għalihom spiċċa kollox
li qed jaraw id-dinja sejra lura … spiċċat
 
Qagħad f’nofshom
dak li bih sar kollox u mingħajru ma sar xejn
dak li ġie mingħand il-Missier
dak li rebaħ il-mibegħda, tradiment u l-qabar
biex ikollhom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra.
dak qagħad f’nofshom!

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fuq il-kliem “Il-Mulej magħkom”. Xi tħalli fik?
pexes/sharefaith: share trust


ii. “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu … “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom …”

Min hu dak li qed jagħti s-sliem?
Huwa dak li jurihom idejħ u ġenbu
dak li ġarr it-taħbit tal-imħabba u ma irtirax
dak li jerġa jispira fiduċja minkejja kollox
dak li wara li qatluh għandu aktar x’joffri!
“Ħudu l-Ispirtu s-Santu”.

Irrifletti

  • Ftakar f’persuna li għaddiet minn ħafna iżda tittrasmetti paċi. X’inhu s-sigriet?
pexels/anna shvets: a touch of life


iii. “Is-sliem għalikom!” … Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja

Hemm mumenti fejn insiru ċiniċi
naqtgħu qalbna mit-tajjeb, mill-bniedem, minn Alla.

X’inhi d-duwa?
Li tmidd sebgħek biex tmiss il-ġrieħi tal-persuni tad-demm u l-laħam
tan-nies li għandhom il-marki fuq idejhom tax-xogħol li wettqu bi professjalità u bil-qalb
ta’ min iġorr il-ġrieħi għax iddedika ruħu għal kawża ġusta u baqa’ konsistenti
ta’ ommijiet u missirijiet li baqgħu hemm għal uliedhom.

Ressaq idek u qiegħda fuq il-ġemb tan-nies li ħabbew,
ta’ dawk li jafu x’jiġifieri “qalb maqsuma”.
Miss u nnota kif il-qalb għadha tħabbat
kif hemm post għat-tama!
Ressaq idek u emmen!

Irrifletti

X’timmaġina li kienet l-esperjenza ta’ Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.