L-essenzjal!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tal-Għid
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.
Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”. Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”. Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba: “Tħobbni?”, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok”. Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”. Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja”.
(Ġw 21, 1-19)
Riflessjoni u talba:
i. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”.
Il-valur li tkun hemm
li tieħu inizjattiva
li terġa tibda’
li taqsam mal-oħrajn
li tmexxi
li jkollok għan
li tkompi anke meta tagħmel iljieli “ma taqbad xejn”
il-valur li tgħix.
Irrifletti
- Liema inizjattiva ser tibda?
ii. Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”
Il-valur li tirrikonoxxi
li tagħraf
li tara kollox bil-memorja ta’ min ħabbek
li tagħraf l-imgħallem u l-Mulej (li ħasel ir-riġlejn)
li tinduna bil-ġesti ta’ mħabba
li tagħraf l-għajn tal-ġid li rċevejt
li taqsam dan ma’ ħaddieħor
Il-valur li tagħraf il-Mulej li jħobbok.
Irrifletti
- Ieqaf ftit. X’qed tagħraf?
iii. Għat-tielet darba [Ġesù] staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”
Tista’ tieqaf fuq il-passat
fuq l-iżbalji u d-diżappunti
bik innifsek
bi sħabek
bl-istorja u l-fallimenti.
Tista’ tinħela tiġri
tista’ tinħela mwaħħal
tkabbar il-fantasija
jew toqtol il-ħolm
Imma tista’ tagħżel l-essenzjal:
Li kapaċi twieġeb għal mistoqsija sempliċi
li hi kollox … ta’ dak li Hu kollox:
Tħobbni?
Irrifletti
Isimgħu isejjaħ ismek! Ħalli lil ruħek tirxoxta!
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.