Ma nħallikomx iltiema!

Ma nħallikomx iltiema!

Mument ta’ talb għas-sitt Ħadd tal-Għid.

Preparazzjoni:

Ipprepara l-post għat-talb: xemgħa, salib, ritratt jew oġġett li jfakkar persuna sinifikattiva f’ħajtek (omm, missier, xi ħadd min-nanniet, għalliem/a, saċerdot, ktieb importanti …)


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ninsabu fil-preżenza t’Alla

“U Sijon kienet tgħid: ‘Ħallieni l-Mulej,’ u: ‘Sidi nsieni.’
Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha,
u ma tħennx għal bin ġufha?
Imqar jekk din tinsa,
jien ma ninsiek qatt!
Ara! Naqqaxtek fuq kefef idejja;
ħitanek dejjem quddiemi.” (Iżaija 49, 14-16)

“Isimgħuni, dar Ġakobb, u l-fdal kollu ta’ dar Iżrael; ġarrejtkom sa mit-twelid, erfajtkom sa mill-ġuf. Sa xjuħitkom jien dejjem hu, sa meta jibjad xagħarkom nibqa’ nġorrkom. Jiena għamiltkom u jien nitgħabba bikom; u jien inġorrkom u nsalvakom.” (Iżaija 46, 3-4)


Salm 65 (66)

Isma’ dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!

Hallelujah, hallelujah, hallelujah


L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 14, 15-21)

“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom.Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”


Riflessjoni u talba:

Nisma’ lil mara li ilha ftit ġimgħat li welldet tarbija.
Tinfetaħ tieqa żgħira fuq il-qalb li ġġorr, tgħożż u tagħti l-ħajja.

Jolqotni l-ħsieb għall-futur, x’tixtieq għat-tarbija u fuq kollox x’ma tixtieqx, fuq xhiex “tinkwieta”:

il-protezzjoni mill-ħażin,ix-xewqa li tkun dejjem hemm għat-tarbija quddiem l-isfidi li diġa tista’ timmaġina,
tixtieq l-aħjar għat-tarbija.
Ġesù jgħid “Ma nħallikomx iltiema”

Ftakart fid-diska “Orphans” ta’ Coldplay,
li kitbu huma u jaraw x’qed tħalli l-gwerra fis-Sirja,
u kif nagħtu timbru “refuġjati”, “migranti”, u ninsew li huma nies, persuni.


Jispiċċaw orfni.

Niftakar f’dak li jaqsmu xi tfal u żgħażagħ (u mhux biss):

“Kulħadd jaħseb li jien falliment, bla valur. X’tajjeb jista’ joħroġ minni?”

“Il-ħajja kollha tiegħi ħażina. Il-passat tiegħi, il-preżent tiegħi, il-futur tiegħi. Xejn mhu se jinbidel”

“Nara lil missieri jaġixxi hekk…ma nistax nifhem. Hu suppost jgħallimni kif għandi nimxi fil-ħajja, li jieħu ħsiebi u mhux iweġġagħni”.


Orfni.

Inħalli l-kliem ta’ Ġesù ikunu tieqa fuq x’hemm fil-qalb ta’ Alla, kif jimxi quddiem l-għożża tal-ħajja tagħna, tal-futur tagħna.

Kif jaġixxi meta jagħraf li hemm mumenti fejn se “jħalli” lil dawk li jgħożż.

Hu “jinkwieta”, jaħseb bil-quddiem, u fuq kollox jaġixxi. Kif?

Inħalluh jurina kif aħna wkoll ma nħallux lil ħaddiehor iltim.“Ma nħallikomx iltiema”.

“U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem … l-Ispirtu tal-Verità … jgħammar magħkom, u huwa fikom.”

3 kelmiet differenti

biex jiddeskrivu l-Ispirtu li Kristu jagħti biex ma jħalliniex iltiema.


i. Jibqa’ magħkom

X’hemm fl-qalb t’Alla … omm … missier?
Li jkun qribna, li ma jħalliniex waħedna … Alla magħna.

PREŻENZA.

Nafu x’jiġifieri meta ssib sapport, meta xi ħadd jieqaf miegħek sakemm tqum fuq saqajk.
Kemm isir ġid meta “sempliċiment” il-ġenituri jilagħbu mat-tfal.

Kemm diversi qed japprezzawha mill-ġdid aħna u nqattgħu aktar ħin ġewwa.

Kemm hi neċessarja l-presenza siekta ma’ persuna fl-isptar.

Tgħid il-kelma “Ma” li nużaw għall-ommijiet marbuta mal-kelma “magħkom”?


ii. Jgħammar magħkom

It-tieni kelma li juża Ġesù hija simili għall-kelma “ħdejn”.

Bħal xi ħadd li jimxi maġembek.

Ma joħodlokx postok, ma joqtolx l-identità u l-inizjattiva tiegħek.

Mhux jimpressjona u inti tiġi umiljat.

Imma jgħinek tkabbar ir-responsabbiltà tiegħek biex inti wkoll tagħti kontribut għal soċjetà aħjar.

Joffri mudell awtorevoli ta’ kif tgħix bħala bniedem.
Bħal meta tifel jew tifla iħarsu lejn il-persuni sinifikanti f’ħajjithom u jixorbu mingħandhom stil ta’ ħajja.

Ġesù b’mod uniku, qabel ma tkellem, għix ħdejna, uriena kif.

L-Ispirtu tiegħu ħdejna u jkompli jispirana. Għandna fuq min induru meta jkollna l-mistoqsijiet fuq kif l-aħjar naġixxu meta s-sitwazzjoni tkun kumplikata. Jagħtina għerf prattiku. Kieku Ġesù x’kien jagħmel?

Mulej għallimna kif ngħaddu dawk “il-kliem, dawk il-prinċipji, dawk il-valuri, dawk ir-regoli tal-ħajja li (t-tfal u ż-żgħażagħ) għandhom bżonn daqs il-ħobż”. (Papa Franġisku)


iii. Huwa fikom

Meta ġenitur jixtieq il-ġid veru tal-ulied, jixtieq li jkollhom qawwa fil-karattru tagħhom.

First you give them roots. Then you give them wings”.

Mhux kollox jgħaddi. Mhux ma jimpurtahx. Jixtieq il-ġid veru tal-persuna.

Id-dixxiplu jingħata qawwa minn ġewwa biex juri l-ħajja ta’ Ġesù fih.

Persważjoni mhux imposizzjoni, manipulazzjoni, kontroll.

L-Ispirtu ta’ Kristu fina jimliena bil-valuri tiegħu u bit-tama.

  • Għeruq: Liema valuri tgħożżu? X’inhuma l-għeruq tiegħek? Min jispirak?
  • Ġwienaħ: X’jgħinek tħares ‘l quddiem? Kif ninkuraġġixxu lil xulxin? X’inhi x-xewqa profonda f’qalbek?
  • Itlob l-Ispirtu ta’ Kristu, l-Ispirta tal-Verità, sabiex ikun miegħek, ħdejk, fik.

Nitolbu l-Missierna flimkien

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħajr:

Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.
Chris Bugeja, għall-kant tas-salm.

Comments are closed.

Fatal error: Uncaught wfWAFStorageFileException: Unable to verify temporary file contents for atomic writing. in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php:52 Stack trace: #0 /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php(659): wfWAFStorageFile::atomicFilePutContents('/home/forge/mar...', '<?php exit('Acc...') #1 [internal function]: wfWAFStorageFile->saveConfig('livewaf') #2 {main} thrown in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php on line 52