Nefaħ fuqhom

Nefaħ fuqhom


Mument ta’ talb għal Għid il-Ħamsin.

Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, maskra.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Aħna ngħixu bin-nifs ta’ Alla.

Spirtu s-Santu, ejja fina,
Raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
Xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.



Salm 103 (104)

Isma’ dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 20, 19-23)

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.


Riflessjoni u talba:

Imbeżżgħa.

Niftakar l-aħħar omelija qabel ma għalqu l-knejjes: kien l-ewwel Ħadd tar-Randan.

Filwaqt li Ġesù kien qed jgħid li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, l-aħbarijiet urew l-ixkafef vojta fis-supermarkets. Qisu żmien ilu!

Minn Ras ir-Randan wasalna għal Għid il-Ħamsin. Bdejna bl-irmied fuq rasna u l-kliem “trab kont u trab terġa’ issir”.

U wasalna fejn?

L-ixkafef m’għadhomx fl-aħbarijiet.X’qed niċċelebraw nhar Għid il-Ħamsin?Minn taħt il-għajn, f’workshop ta’ familja jirranġaw stumenti mużikali, innutajt poster:

La tradizione non è culto delle ceneri ma custodia del fuoco. – It-tradizzjoni mhix li toqgħod tammira l-irmied iżda li tgħaddi n-nar.

Interessanti.

Imbeżżgħa!

Dan iż-żmien kien immarkat mill-biża’: mill-Covid-19, minn fejn jista’ jiġi l-virus, mill-effetti fuq is-saħħa u l-ekonomija, mill-impatt fuq is-saħħa mentali u li jiddeterjoraw ir-relazzjonijiet. Imbeżżgħa mill-mewt: kulma hu kontra l-ħajja. Aħna fraġli. Trab kont…

Id-dixxipli wkoll imbeżżgħa mil-Lhud … minn bnedmin oħra, tal-istess nazzonalità tagħhom.

Nibżgħu minn xulxin u ningħalqu.Kważi kważi drajt ġewwa u mhux interessat noħroġ.

Ironikament hemm ċertu sigurtà fil-qabar!

Il-libertà impenjattiva.Il-perfezzjoniżmu jaqtagħli qalbi qabel nibda.

Bibien magħluqa!Qagħad f’nofshom

Ġesù, daħal fid-dalma tal-mewt,imma l-fjamma tal-imħabba li mexxietu ma ntfietx;

Ġesù rxoxt issa jidħol fil-post l-aktar magħluqa tagħna

Fil-post fejn inħossni mormi minn kulħaddfejn d-dalma taħkimni fejn l-unika ħarsa jew vuċi li tasalli hija ta’ stmerrija u “mur inħeba!”

U l-fjamma ta’ Kristu Rxoxt tidħol hemm:

Fjamma u mhux irmied. F’nofshom.

i. Is-Sliem għalikom

Hemm żiffa tmellisa li tgħinek tistejqer

Hemm mużika tattira ħarstek ‘l fuq

Hemm kelma li ddewwi u timla b’kuraġġ.

Liema esperjenza, mużika, kelma għenuk tesperjenza

l-fjamma tal-għożża u l-fiduċja t’Alla.

ii. Nefaħ fuqhom

Ġesù m’għandux bżonn maskra.

Dak li rebaħ il-mewt ħajja biss jgħaddi.

Dak li ħalaq il-bniedem mit-trab tal-art, jonfoħ fih n-nifs li hu ħajja, kuraġġ, ħeġġa.

Meta jmexxina l-biża nipparalizza ruħi u ningħalaq fija nnifsi … naqta’ nifsi aktar.

Meta jmexxini l-Ispirtu t’Alla noħroġ mill-għeluq, noħroġ l-aħjar tiegħi, noħroġ lejn l-oħrajn.

Xi rrid nagħmel?

Irċievi l-fjamma flok, bħal Narċisju, tammira l-irmied.

Neħħi l-maskri … irċievi n-nifs tal-Irxoxt.

“Ħudu l-Ispirtu s-Santu”

iii. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura

F’dinja fejn il-bniedem isir għadu tal-bniedem (homo homini lupus)

u jbattal l-ixkafef maħkum maqbud bejn biża’ u kilba

dawk li kienu imbeżżgħa minn ħuthom u minnhom infushom joħorġu

u jibnu dinja ġdida.

Għax f’qalbhom hemm spazju imdawwal mill-paċi u l-maħfra tal-Irxoxt

Spazju li żvojtja mir-rimors, ir-rabja u l-biża,

Spazju li mtela’ bl-Ispirtu ta’ ħniena u ħlewwa

Il-Knisja tista’ toħroġ meħlusa mill-frustrazzjoni bla paċenzja

U tgħaddi l-fjamma li b’mod ġentili ddewweb il-biża’ li jifred u joħnoq il-popli.

X’tixtieq tgħaddi lil ta’ madwarek?

Fjamma jew irmied?

Ejja Spirtu Qaddis!


Nitolbu l-Missierna flimkien

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħajr:

Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.
Chris Bugeja, għall-kant tas-salm.

Comments are closed.

Fatal error: Uncaught wfWAFStorageFileException: Unable to verify temporary file contents for atomic writing. in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php:52 Stack trace: #0 /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php(659): wfWAFStorageFile::atomicFilePutContents('/home/forge/mar...', '<?php exit('Acc...') #1 [internal function]: wfWAFStorageFile->saveConfig('livewaf') #2 {main} thrown in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php on line 52