“Min …” – perspettiva ġdida fuq il-ħajja

“Min …” – perspettiva ġdida fuq il-ħajja



Mument ta’ talb: It-Tlettax-il Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw il-Vanġelu fin-normalità

Preparazzjoni:

Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, biċċa drapp aħdar


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nieqfu ftit u nindunaw li għandna bżonn ta’ Alla

Alla, Alla tiegħi int,
lilek ħerqan infittex,
ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

group of people huddling

L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 10, 37-42)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.

Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.


Riflessjoni u talba:

Kliem eżiġenti ħafna. Nafu b’kumpaniji li jagħmluha ċara ħafna x’jistennew mill-applikanti u l-impjegati tagħhom: “Min japplika għandu jkollu dawn il-kwalifiċi, ikun kapaċi jaħdem f’tim …” Minn min ser jagħmlilhom ix-xogħol jistennew ċertu kwalitajiet.

Imma l-kliem ta’ Ġesù huwa fuq livell ieħor. Mhux qed ifittex min jaħdimlu! Pjuttost qed jurina x’jaħdem fil-ħajja u x’ma jaħdimx!.X’imexxik bħala persuna? It-tweġiba mhix newtrali. Hemm ħajtek fin-nofs. Kif ma nasalx fl-aħħar u nsibni ngħid “ħlejt ħajti!”? Kif nagħmel biex ma nkunx ħlejt ħajti?

Ġesù jgħidlek: “Billi taħliha!” Stramba.

MIN iħobb lil ommu, missieru, ibnu, bintu … IŻJED MINNI … ma jistħoqqlux li jkun miegħi.

Kollox jgħidli li jekk ma rridx naħli ħajti, aħjar nieħu ħsieb lil dawk li nista’ nieħu xi ħaġa mingħandhom (l-ġenituri) u nara li nħalli isem warajja (ninvesti f’uliedi).

Però x’jiġri jekk isiru “alla” tiegħi flok Alla? Jekk is-sigurtà tkun fihom? Jekk il-prinċipji tiegħi ibbażati skont x’jogħġob lilhom?

  • Meta wieħed inħobbu lill-ġenituri IŻJED minn Ġesù għax naħsbu li s-sigurtà minnhom, dawk il-ġenituri stess narmuhom f’ġemb meta narawhom piż;
  • Meta l-ulied inħobbuhom daqs li kieku allat żgħar għax il-valur tagħna jiddependi mis-suċċess tagħhom, minn fejn se nsibu l-għerf biex nikkoreġuhom meta fl-iżball? minn fejn ser insibu s-saħħa biex inħobbhom meta jitfaċċa l-mard jew ikunu għamlu għażliet li ġabu mistħija fuq il-familja kollha?

Niċċelebraw

  • il-ħajja ta’ tant ġenituri u ulied li għax għarfu jħobbu lil Ġesù iżjed minn kollox, jagħtu gwida soda fil-pariri u spazju għal-libertà; isostnu lill-membri tal-familja li għaddejjin minn żmien diffiċli.Il-biża’ jista’ jwassalna biex niġu dipendenti fuq x’jaħsbu l-oħrajn. Imexxuna l-valuri u d-deċiżjonijiet tagħhom.

MIN ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi

Inħossni aktar fiż-żgur jekk ikolli l-kontroll f’idejja. (But if God is your co-pilot, change seats!)

Inħossni aktar fiż-żgur jekk “nevita l-inkwiet”. Ġesù jgħidlek “Jekk ma tridx tibqa’ spettatur tal-ħajja, timmoffa fis-sigurtà tal-għeluq, ejja warajja, idħol fl-inkwiet li kull imħabba iġġib magħha.” Kif tgħid Madre Teresa: “Where there is no love, put love and you will find love”. Imma biex tidħol fejn mhemmx imħabba ħalli tpoġġi l-imħabba jitlob sforz. Biex taħdem ma’ Kristu ħalli ġġib il-ġustizzja fejn mhemmx, mhux la kemm tgħid. Kif tgħid kanzunetta miktuba ad unur l-isqof maqtul Oscar Romero:

Many of us seek a god of the pocketbook
A god who fits in with our idols
A god who is content with what we pay our workers
A god who approves our abusive crimes.

  • Aħseb ftit fuq xi sitwazzjoni importanti f’ħajtek: familja, studju, relazzjoni, xogħol. Liema hi l-isfida prinċipali li tara? Xi tfisser terfa’ s-salib u timxi wara Kristu biex ma tkunx passiv iżda kreattiv fl-imħabba tiegħek?

MIN isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha

Jekk iffukat fuqi innifsi – fuq self-fulfillment, self-help, ż-żokra -qisni xemgħa li tagħlaq lilha nnifisha f’bozza biex mingħaliha tippreżerva lilha innifisha. Fil-verità tkun qed “taqta’ nifisha”.

Is-sigriet tal-ħajja huwa mod ieħor.

“Min ifittex l-interessi tiegħu, il-vantaġġ spiritwali jew materjali tiegħu, jitlef ħajtu. Min ifittex it-tajjeb, l-interess, il-vantaġġ ta’ Alla, isalva” (Charles de Foucauld).

  • X’qed jitlob minnek Alla bħalissa?

MIN jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu;
u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu.

Kollox jgħidlek li min jaħtaf jirnexxi!

Ġesù jgħidlek li, fl-aħħar mill-aħħar, minn din d-dinja stess, min jilqa’ mhux min jaħtaf ikollu l-ħlas li jirrendi.

Hemm min qatt ma jikkuntenta ruħu b’xejn. Għaliex? Għax taħt l-attitudni li taħtaf, hemm l-idea falza li jien ikolli s-sigurtà jekk ikolli l-kontroll tar-realtà f’idejja; jekk r-realtà tadatta ruħha għall-aspettativi tiegħi. Imma din illużjoni.

Min jibdel il-perspettiva jiskopri l-ħajja. Jinfetaħ għas-sorpriżi.

Ġesù ma jgħidlekx tilqa’ kollox, iżda tilqa’ b’intelliġenza.

Fittex li tilqa’ profeti – dawk li jwasslu l-vuċi t’Alla.

Jekk ikollok qalb attenta għall-vuċi t’Alla tissorprendi ruħek bit-tajjeb li hemm madwarek: kull ħlejqa tgħaddi kwalità ta’ Alla; f’kull persuna kapaċi tiskopri xi ħaġa ġdida (ħafna drabi narmu lil oħrajn għax ma jidħlux fil-kaxxa li fassalna aħna).

Fittex li tilqa’ lil min hu ġust għax hu ġust, tajjeb.

Kultant nieqfu biss fuq d-difetti. Kultant t-tajjeb u l-ħażin, il-ġustizzja u l-inġustizzja nittrattawhom xorta. Ġesù jgħidilna li meta nfittxu li nilqgħu t-tajjeb li hemm fina u fl-oħrajn, dak it-tajjeb jitkattar.

Niċċelebraw

  • Il-mumenti fejn fil-familja fraħna bit-tajjeb ta’ xulxin
  • Fejn bħala ħbieb irbaħna l-għira li tkisser kwalità sabiħa f’ħaddiehor
  • Kumpaniji u parroċċi li matul iż-żmien tal-COVID ħadu ħsieb il-ħaddiema tagħhom u  ħadu inizjattiva biex jgħinu diversi familji li għandhom bżonn ikla.

U kull MIN jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”

Min qed jagħmel t-tajjeb faċli jgħijja meta madwaru jara indifferenza, l-kurrent bil-kontra, nixfa ta’ valuri, prinċipji jintilfu, kollegi jinġarru biex ifittxu l-interess tagħhom biss…  

Niċċelebraw

  • Dawk il-persuni li jagħtu “tazza ilma friska” lil min ikun qed jaqta’ qalbu huwa u jagħmel t-tajjeb: permezz ta’ kelma ta’ inkuraġġiment; suġġeriment kostruttiv; like/comment/share fuq facebook; tbissima; ittra lil membru parlamentari; daqqa t’id…


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.

Fatal error: Uncaught wfWAFStorageFileException: Unable to verify temporary file contents for atomic writing. in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php:52 Stack trace: #0 /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php(659): wfWAFStorageFile::atomicFilePutContents('/home/forge/mar...', '<?php exit('Acc...') #1 [internal function]: wfWAFStorageFile->saveConfig('livewaf') #2 {main} thrown in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php on line 52