Alla jissorprendi.

Alla jissorprendi.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-11 l-Ħadd tas-Sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek.

(Salm 91)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

(Mark 4, 26-34)

pexels/gelgas airlangga: the sower is himself surprised

Riflessjoni u talba:

i. Iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif  

Possibbli Alla daqshekk daqshekk ħieles,
għandu daqshekk fiduċja,
ma jfittixx li jikkontrolla?
 
Iħalli ż-żerriegħa tissorprendih,
il-Kelma li tikber u tħalli l-frott “bla ma jaf kif”.
Ma jisfurzax, ma jirwix l-idejn,
 
jaf biss il-fiduċja f’dak li żera’!

Irrifletti:

  • Xi tfisser tgħix ħajtek fid-dawl tal-fiduċja t’Alla?
pexels/teona swift: growth and hospitality


ii. imma wara li tinżara’ tikber …

Iċ-ċkejken jidher dgħajjef, insinifikanti, bla valur;
Nippreferu l-kbir, il-qawwi, is-saħħa tal-poter.
 
Alla mhux hekk!
Huwa ċ-ċkejken li kapaċi joħloq spazju għal ħaddieħor,
spazju fejn ħaddieħor isib kenn.
 
Il-qawwa taċ-ċkejken fis-Saltna t’Alla
mhix il-poter li jifga, jabbuża, ifittex l-interess tiegħu nnifsu,
iżda il-qawwa li toħroġ l-aħjar – tiegħek innifsek u ta’ ħaddieħor.

Irrifletti

  • Il-Mulej “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu – issa kull nisel isejjaħli ħienja” Kif tħares lejn iċ-ċokon tiegħek?
pexels/gustavo fring: love is inventive


iii. kif kienu jistgħu jifhmuha huma.

Alla stess jagħżel li jiċċekken biex jiżra l-Kelma,
u l-istess kelma tikber,
u ssir elf parabbola, elf lingwaġġ,
skont kif jistgħu “jifhmuha huma”.
Għax l-imħabba lesta li tadatta, titbiddel, tiċċekken biex tikkomunika.
Hekk tikber l-imħabba!

Irrifletti

  • Fejn mistieden tadatta biex tagħmel ġid lil ħaddieħor?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.