Il-kuraġġ li titkellem, il-kuraġġ li tiskot.

Il-kuraġġ li titkellem, il-kuraġġ li tiskot.

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-13-il Ħadd tas-Sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.

(Salm 29)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.

Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.

Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”. Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: ‘Min messni?’”. Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.

Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”. Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

(Mark 5, 21-43)

pexels/pixabay: the courage to pray

Riflessjoni u talba:

i. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”.

Ġajru, raġel importanti fir-raħal,
faċli għalih li jitkellem, imdorri jmexxi …
imma ma jitlifx il-kuraġġ li “jinxteħet” f’riġlejn Ġesù u jitlob.
Ma jingħalaqx quddiem id-daqqiet tal-ħajja,
qalbu ma tibbiesx,
jibqa’ kapaċi jmil biex jitlob.

Irrifletti:

  • Min huma n-nies li filwaqt li jġorru responsabbiltajiet kbar, huma persuni umli?
pexels/masha raymers: the courage to reach out


ii. Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa.

Din il-mara kien ilha tnax-il sena meqjusa mniġġsa,
ma ħallewlhiex vuċi: mistħija biss;
Imma ma tilfitx il-kapaċità li tirrifletti, li titkellem bejnha u bejn ruħha,
u fil-presenza ta’ Ġesù reġgħet sabet il-kuraġġ li tersaq u tmiss.
U Ġesù ħa ħsieb mhux biss li jfejjaqha, iżda wkoll li jerġa jagħtiha vuċi fil-komunità.

Irrifletti

  • Liema vuċijiet qed insikktu bħala soċjetà?
pexels/alena shekhovtcova: the courage to make space for others


iii. “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih.

Jekk lill-mara tnixxi d-demm għal tnax-il sena ħa l-ħin magħha biex tista’ titkellem,
quddiem it-tfajla ta’ tnax-il sena sab il-ħin biex iwaqqaf il-kliem,
għax fis-skiet wieħed jista’ jifhem aħjar!
 
Forsi din iż-żagħżugħa kellha bżonn dan is-skiet biex hi wkoll issib il-vuċi tagħha,
u ma tinbelax mill-istorbju tan-nies l-oħra.
Min jaf, forsi anke ftit silenzju min-naħa tal-missier, kap tas-sinagoga, kien meħtieġ ukoll!

Irrifletti

  • Fejn għandna bżonn ftit aktar skiet biex nifhmu aħjar? Biex nagħtu spazju għal ħaddiehor?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.