Legion of Mary

Legion of Mary

Il-leġjun ta’ Marija huwa orgainzazjoni ta’ lajċi kattoliċi b’aktar minn3 miljun membru attiv kważi f’kull parti tad-dinja. L-għan tal-Leġjun ta’ Marija huwa li jingħata tifħir l Alla permezz tal-qdusija tal-membri tagħha.

F’Wied il-Ghajn hawn 5 ferghat’ Nisa, Nisa zghazagh, Intermediates1 Intermediates 2 u Irgiel.

FERGĦA – IRĠIEL
IL-LEGION OF MARY – IRĠIEL tiġbor fiha minn 18-il sena ‘l fuq, għalkemm preżentament il-membri lkoll il-fuq minn sittin sena.

Ħemm xi membri awżiljarji li jgħinu permezz tat-talb tagħhom. Madankollu jinħass sewwa n-nuqqas ta’ membri għax ix-xogħol irid jinqasam bejn ftit nies, kultant b’sagrifiċċji personali kbar. Għalhekk inħoss li huwa f”loku inħeġġeġ lil dawk l-irġiel ta’ rieda tajba u li jistgħu joffru ftit tal-ħin biex jissieħbu fl-għaqda għax ikunu qegħdin jagħmlu ġid kbir lill-komunita’ ta’ Wied il-Għajn fil-waqt li huma stess jersqu aktar lejn Ġes’ permezz ta’ Marija. Wara kollox dan huwa l-għan ewlieni ta’ l-għaqda, naturalment barra l-ħidma ta’ konsolazzjoni biż-żjarat lill-morda fi djarhom jew fl-isptarijiet. Xogħol ta’ mħabba li jixraqlu kull tifħir u nkoraġġiment!

Il-fergħa tal-Legion of Mary-Irġiel qegħda taħt it-tmexxija tas-Sur Anton Attard. Huma jiltaqgħu kull nhar ta’ Tlieta fil-5.00 p.m. fil-Kappella taċ-Ċintura.

FERGĦA – NISA
Il-Grupp LEGION OF MARY – NISA ma għadux jinkludi n-nisa żgħażagħ li waqqfu fergħa għalihom. Dan għaliex in-nisa żgħażagħ ma setgħux jattendu għal-laqgħat fil-ħin stipulat minħabba impenji tal-familja.

Fost it-tlettax il membru tal-Legion of Mary – Nisa, li bdew jiltaqgħu fl-1972, insibu xebbiet, miżżewġin u romol. Fis-Sajf dan in-numru jiżdied għal madwar sbatax. Dawn jiltaqgħu kull nhar ta’ Tlieta fil-Kappella taċ-Ċintura. L-iskop ta’ l-għaqda hu li jitqaddsu l-membri biex iqaddsu lil ħaddieħor. Uħud mill-membri jxandru l-kelma t’Alla saħansitra barra minn xtutna. Mill-banda l-oħra ftit huma dawk li jilqgħu s-sejħa għas-sagrifiċċju personali.

F’kull laqgħa jsir talb, diskussjonijiet, lezzjoni minn saċerdot kif ukoll jitqassam ix-xogħol. Dan jikkonsisti fi żjarat bl-istatwa tal-Madonna, żjarat lill-morda fid-djar u fl-isptarijiet, żjarat lill-anzjani u għajnuna fil-parroċċa. Il-Legion of Mary torganiżża l-quddiesa u riċeviment li jsiru għall-anzjani u l-morda fil-Gimgħa tal-festa.

Il-President tal-Legion of Mary – Nisa hija s- Sinjura Carmen Magri.

FERGĦA – NISA ŻGĦAŻAGĦ
Faċli wieħed jintebah li ‘l-fergħa tal-grupp tal-LEGION OF MARY NISA ŻGĦAŻAGĦ ħarġet mis-sezzjoni tan-nisa ta’ l-istess għaqda. Dan għaliex minbarra l-kwestjoni ta’ ħin u forsi anke l-etajiet differenti tal-membri taż-żewġ fergħat, wieħed jissoponi wkoll li dak li jinteressa lil persuna ta’ 20 – 25, mħux neċessarjament jolqot il-bżonnijiet ta’ waħda ta’ sittin.

Għalhekk, ftit taż-żmien ilu ġie deċiż li n-nisa żgħażagħ jiffurmaw fergħa għalihom. Dan seħħ fis-sena 2001. Ir-regolamenti u l-għanijiet huma identiċi għaż-żewġ fergħat – jiġifieri appostolat mal-parruċċani, żjarat lill-morda u għajnuna f’waqtha meta jinqala’ l-bżonn.

Il-grupp jiltaqa’ kull nhar ta’ Erbgħa fiċ-Ċentru Parrokkjali. Il-motto addottat mill-grupp huwa ‘secrecy’. Il-konfidenzjalita’ tiġi l-ewwel u qabel kollox. Għall-bidu kien hemm biss xi erbgħa jew ħames membri iżda ma rridux ninsew li din il-fergħa għadha titwieled. Nawgurawlha minn qiegħ qalbna li taqbad art bħal dik tal-kbar biex tkun ta’ Ġid għan-nisa żgħażagħ u għall-komunita’ nisranija.

Il-grupp hu mmexxi mis-Sinjura Joyce Bonniċi.

FERGĦA – INTERMEDIATES I
Is-sezzjoni tal-LEGION OF MARY-INTERMEDIATES I, li twaqqfet fl-1997, hija magħmula minn grupp ta’ tfajliet li l-eta’ tagħhom tvarja bejn il-15 u t-18-il sena.

Il-grupp hu mmexxi minn Presidenta li hi s-Sinjorina Andreana Boldarini u jinkludi għaxar tfajliet. Kull meta jkun possibbli jattendi wkoll saċerdot. Kull nhar ta’ Ħamis fis-7.15 p.m. dawn it-tfajliet jiltaqgħu, minkejja d-difikultajiet ta’ studju, fil-Kappella taċ-Ċintura. Għalkemm jippruvaw iħajru żgħażagħ oħra biex jingħaqdu magħhom, teżisti l-impressjoni żbaljata għall-aħħar li laqgħat bħal dawn ikunu monotoni. L-iskop tal-fergħa tat-tfajliet huwa li jersqu lejn Ġes’ permezz ta’ Marija minkejja t-tlellix li toffri l-ħajja ta’ kuljum fuq il-bank ta’ l-iskola, fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-postijiet ta’ divertiment. Jiġu diskussi suġġetti bħal sess qabel iż-żwieġ, l-iffrekwentar tas-Sagramenti u suġġetti oħra attwali li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfajliet ta’ llum.

Il-grupp jieħu sehem attiv fil-Festa Żgħażagħ, fil-Festa ta’ Kristu Re, kif ukoll f’attivitajiet flimkien ma’ Għaqdiet minn parroċċi oħra. Li żżomm dawn it-tfajliet magħqudin huwa ferm diffiċli. L-impenn ma jonqosx!

FERGĦA – INTERMEDIATES II
Bħal-laqgħat kollha tal-Legion, il-fergħa LEGION OF MARY – INTERMEDIATES II jiltaqgħu kull nhar ta’ Gimgħa fis-7.00 p.m. fil-Kappella taċ-Ċintura.

Dan ukoll huwa grupp għall-bniet, din id-darba bejn il-11 u s-16-il sena. Għalhekk kollha għadhom jattendu l-iskola sekondarja. Xi wħud mill-ġenituri juru l-kooperazzjoni tagħhom billi jwasslu lil uliedhom huma stess. Oħrajn jiġu pprovduti trasport. Illum hemm numru sabiħ ta’ madwar għoxrin tfajla fil-grupp. Peress li dan in-numru kompla jikber, il- Grupp tal-Juniors kellu jinqasam fi tnejn.L-iskop ewlieni hu li l-membri jkunu kapaċi jagħżlu l-ħażin mit-tajjeb u jgħaddu l-eżempju tagħhom lil sħabhom, eżempju meħud minn Marija Ommna.

Iż-żgħażagħ jiġu mħajra jimitawha fi ħsiebha, fi kliemha, f’għemilha u f’ilbiesha. Fil-laqgħat isiru diskussjonijiet dwar problemi u jingħataw pariri spiritwali minn saċerdot. Isiru wkoll attivitajiet bħal Hikes, Ġranet il-Baħar, Talent Shows, December Function, Acies, Irtiri u Laqgħat Organiżżati mil-Legion. Ta’ min jenfasiżża l-fatt li tfajliet b’karattru sod illum, għada jkunu kapaċi jiffurmaw familji bi prinċipji sodi bħal dawk ta’ Ommna Marija.

Dawn il-fergħa hija mmexxija mis-Sinjoria Michelle Bonniċi. Il-Legion of Mary – Intermediates II bdiet tiffunzjona bħala grupp fi-1969.