M.U.S.E.U.M.

M.U.S.E.U.M.

Is-SOĊJETA TAL-MUSEUM li taf it-twelid tagħha lill-Beatu Dun Ġorġ Preca fl-1907, illum qabdet art sewwa fir-raħal tagħna. Forsi kowinċidenza, forsi kienet miktuba fis-sema, stramba imma vera! Dun Ġorġ, devot kbir ta” Sant’Anna, kellu jmut proprju nhar il-festa ta’ Sant’Anna ta’ l-1962.

Din is-soċjeta’ li l-ħidma tagħha hija mprezzabbli ilha mwaqqfa f’Wied il-Għajn għal dawn l-aħħar 58 sena u tieħu ħsieb madwar 500 tifel u tifla, kif ukoll żgħażagħ subien. Dawn jiltaqgħu għat-tagħlim tad-duttrina u formazzjoni mit-Tnejn sal Ġimgħa minbarra nhar ta’ Erbgħa meta s-soċji kollha ta’ Malta jiltaqgħu il-Blata l-Bajda.

L-iskop ewlieni tagħha huwa li jressaq it-tfal u liż-żgħażagħ iktar qrib t’Alla bit-tagħlim u bl-eżempju tajjeb. Is-soċji li jgħallmu fil-qasam ta’ Wied il-Għajn huma kollha nies dedikati li, bħas-soċji kollha tal-MUSEUM, għażlu li jgħixu ħajja ta’ ċelibat għalkemm mhumiex marbuta b’xi vot perpetwu. Minkejja li jħejju kemm subien u kemm bniet mir-raħal tagħna għas-Sagramenti ta’ l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma ta’ l-Isqof, is-soċji kollha huma rġiel li ġejjin minn barra r-raħal.

Is-Superjur huwa s-Sur George Agius. B’kollox hawn 9 (disa’) soċji li, għalkemm kollha huma nies dedikati kif diġa’ aċċennajna, mhumiex residenti f’Wied il-Għajn. Barra minn hekk, ħafna minnhom qabżu l-ħamsin sena. Hemm bżonn ta’ ħafna vokazzjonijiet, speċjalment ta’ żgħażagħ mir-raħal tagħna. Għalkemm hemm promessi sbieħ għall-futur qatt ma tista’ tgħid li għandek biżżejjed. Nitolbu ‘l Alla biex jitfa’ żerriegħa tajba fi qlub dawn iż-żgħażagħ biex il-ħsad ikun tajjeb. Minbarra t-tagħlim, is-soċji jiddedikaw ħin twil għar-rikrejazzjoni tat-tfal.

Il-bitħa taċ-Ċentru għamluha ground tal-futbol, waqqfu gamesroom fejn it-tfal jinżammu l-bogħod mill-perikli kontinwi tal-vizzji fil-waqt li xi hike jew xi ħarġa fejn il-baħar ma jonqsux. Dan kollu taħt is-superviżjoni ta’ nies ta’ l-affari tagħhom. Tassew għandna għax inkunu grati lejn is-Soċjeta’ tal-MUSEUM. Issa li ser jinbena Iċ-Ċentru Pastorali Parrokkjali li jinkludi l-bini ta’ MUSEUM ġdid ninsab ċert li l-Qasam tal-MUSEUM ta’ Wied il-Għajn ikun ikbar u aktar attrezzat minn dak preżenti. Wieħed jittama li dan iservi biex jiġbed aktar tfal u żgħażagħ lejn it-tagħlim u lejn Ġesu.