Mort, inħsilt, u ġejt nara.
Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan (A)
Mument ta’ talb fil-familja bl-Evanġelju tal-Ħadd.
Preparazzjoni:
a. Ippreparaw flimkien il-post: tistgħu tpoġġu xemgħa bħala simbolu.
b. It-tfal jistgħu ipenġu jew jiktbu l-ismijiet ta’ dawk in-nies li bħalissa ma jistgħux jarawhom u jiltaqgħu magħhom minħabba li qegħdin d-dar: sħabhom tal-iskola, teachers, nanniet … Fl-aħħar nitolbu għalihom.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: “Fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi hemm jien f’nofshom.” (Mattew 18,20). Ġesù qiegħed f’nofsna.
1. Mill-Vanġelu skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, … Ġesù qal: “Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.
Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara.
2. Talba
Ġesù,
F’daqqa waħda kellna nwaqqfu kollox.
L-iskola għalqet. It-training ukoll.
Il-Knisja, x-xogħol, u tant postijiet oħra.
Ma nistax nara l-ħbieb, l-għalliema, il-ground,
il-librerija, il-lockers.
Kważi il-ħin kollu ġewwa. U ma nafux kemm se ndumu hekk.
Ma nistax nara x’ser jiġri.
Ma nistax nara minn fejn il-virus jista’ jiġi.
Ġesù, f’daqqa waħda anke aħna ma nistgħux naraw.
U nibżgħu. Nimtlew ansjetà. Ġieli nispiċċaw niġġieldu, ngħejjew.
Nitolbuk li tiġi għandna wkoll bħalma mort għand dak ir-raġel għama. Ejja għax inti d-dawl tad-dinja. Ejja u agħmlilna kuraġġ.
Lir-raġel fejjaqtu bit-TAJN. Tidher stramba.
Iżda imbagħad niftakar li il-bniedem inti ħlaqtu mit-trab tal-art.
Bħal meta nagħmlu project, isir speċjali għalina.
Għinna naraw li aħna speċjali f’għajnejk.
Għinna naraw kemm hi prezzjuża l-ħajja u kif nieħdu ħsiebha aħjar.
Dak ir-raġel inħasel u beda jara dak li ma kienx jara qabel.
Anke aħna bdejna naraw u napprezzaw dak li ma konniex qed nagħtu kasu qabel.
In-nanniet, il-ħbieb, il-familja.
Kemm hu sabiħ inkunu ftit flimkien.
Qed nindunaw kif kollox hu marbut flimkien.
Kemm hawn nies li niddependu fuqhom
biex jieħdu ħsieb saħħitna,
biex nieklu, biex ikollna n-nadif.
Għinna inkomplu naraw u napprezzaw dak li jiswa fil-ħajja.
3. Nitolbu għal dawk in-nies li bħalissa ma nistgħux niltaqgħu magħhom. It-tfal jistgħu ipoġġu l-istampi u l-ismijiet ħdejn ix-xemgħa.
Itolbu l-MISSIERNA flimkien.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.