Xejn la tibżgħu
Mument ta’ talb: It-Tnax-il Ħadd Matul is-Sena A
Niċċelebraw il-Vanġelu fin-normalità
Ipprepara ħin u post Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, biċċa drapp aħdar (għaż-żmien liturġiku li qegħdin fih – fejn niċċelebraw il-ħajja ta’ kuljum, ordinarja, “normali”)għat-talb: xemgħa u oġġett li jfakkrek f’xi ħadd speċjali
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nieqfu ftit u nindunaw li f’dan il-post hemm preżenza … m’aħniex mexjin waħedna
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam
Ma nibżax mill-ħsara
Għax inti miegħi.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 10, 26-33)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem flinfern.
Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.
Riflessjoni u talba:
Hemm xi ħaġa li titfi l-ħeġġa fl-għajnejn u tipparalizza l-ħajja. Il-biża tista’ tkun bħal susa li tneħħilek t-tapit minn taħt saqajk, ittellfek il-fiduċja f’dak li qed tagħmel. Hemm ukoll il-ġudizzju li jifga.
Kultant titħawwad għax tħoss li ħadd mhu jagħti każ, li minnek ħadd ma jimpurtah! Tibża’ li ħajtek moħlija!
Min ser jentużjażma mill-ġdid l-għajnejn u jillibera l-ħajja? X’ser tiċċelebra dan il-Ħadd.
“La tibżgħux mill-bnedmin
Għax xejn li hu mgħotti li ma jinkixifx.”
Il-biża’ jista’ jwassalna biex niġu dipendenti fuq x’jaħsbu l-oħrajn. Imexxuna l-valuri u d-deċiżjonijiet tagħhom.
Hemm sitwazzjonijiet fejn it-tajjeb li qed naħdmu għalih ma jinftiehemx jew jinftiehem ħażin.
Hemm ħafna xogħol li jsir fil-moħbi. Jidħol il-biża’ li kollox għalxejn.
Kultant ikollok tibqa’ fis-skiet u ma tgħid xejn biex tirrispetta d-dinjità ta’ persuna oħra.
Ġieli tagħmel deċiżjonijiet għall-ġid f’ċirkustanzi diffiċli li tafhom int biss, u jiġġudikawk ħażin.
Drabi oħra jaħkimna l-biża’ meta naraw kemm aħna limitati quddiem il-bżonnijiet tan-nies li nixtiequ naqdu.
Il-biża’ jista’ jipparalizzana jew jagħmilna passivi.
Niċċelebraw
- il-kelma ta’ inkuraġġiment ta’ Ġesù: il-verità moħbija tat-tajjeb li qed tagħmel xi ħin ser toħroġ bil-beraħ.
- Il-mumenti fejn, wara perjodu twil ta’ kritika inġusta, il-verità tat raġun lil min żamm magħha.
- Il-paċi li ħassejna f’qalbna meta sibna s-saħħa biex nimxu skont il-prinċipji minkejja li konna qed immorru kontra l-kurrent.
- Għandek xi eżempji?
“U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem
bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ”
Shame on you!
Theddida oħra li nesperjenza: l-ġudizzju maħdum biex iwaqqagħna fil-mistħija..
Hemm imbagħat attakki vjolenti maħduma biex ikissru l-ispirtu ta’ persuna oħra.
Ara l-istil ta’ ċertu kummenti online li jattakkaw bla ħniena, il-ħarsa ta’ stmerrija li tħares minn ġo fik biex tarmik, il-pożizzjoni ta’ superjorità li tumilja.
Niċċelebraw
- Il-kelma ta’ Ġesù li tagħtina qawwa biex nirreżistu l-kliem li jipprova jkisser: teħilx miegħu, ittihx piż aktar milli jmissu; il-persuni li jfittxu li jkissru l-ispirtu tiegħek u ta’ ħaddieħor ieqfilhom.
- Niċċelebraw il-ġudizzju kollu ħniena t’Alla: li qatt ma jiġi biex jiskuraġġixxi l-persuna iżda bil-kontra: jagħmel il-qalb biex tista’ “tiġġudika/tgħarbel” x’jiswa’ u x’ma jiswiex. Mhux ġudizzju li jagħla u jipparalizza l-persuna iżda imħabba li tagħtik il-qawwa biex tagħżel l-aħjar.
- Min huma l-persuni li jagħtuk ħjiel tal-vuċi t’Alla: jieqfu miegħek bħala persuna u jimlewk b’kuraġġ biex tagħżel it-tajjeb possibbli (anke meta l-ideal għadu fil-bogħod).
“Mela xejn la tibżgħu;
intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.”
Jiġu mumenti fejn lanqas daqs żewġ għasafar tal-bejt ma tħoss li tiswa.
Jekk jaqa’ wieħed, issib min jieqaf u jgħid “Ara jaħasra!”
Imma min jimpurtah minni? Anke Alla donnu telaqni! Waħdi!
Ninħakem minn biża’ li ma niswa għalxejn! Li ħajti ħlejta. Falliment.
Huwa hawn li jidħol Ġesù u jgħid
“Mela xejn la tibżgħu … intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt”
Ikellem lil qalbna u jgħinna ma nibqgħux nieżla f’bir ta’ dlam.
Jgħinna inqumu fuq saqajna mill-ġdid u naffaċċjaw l-isfidi bi proposti ġodda.
Ieqaf ftit u isma’ dal kliem: xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.
Niċċelebraw
- dawk il-mumenti fejn doqt il-verità ta’ dan il-kliem
- Persuna/i li l-presenza tagħhom timlik b’kuraġġ jew ispirazzjoni
- Xi deċiżjoni (kbira jew żgħira) li ħadt din il-ġimgħa: xi tfisser għalik?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.