Darba kien hemm bidwi…
Mument ta’ talb: Il-Ħmistax-il Ħadd Matul is-Sena A
Niċċelebraw il-Vanġelu fin-normalità: stejjer
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, il-Bibbja, ktieb tal-istejjer
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħares ftit lejn d-dinja ta’ madwarek … ilmaħ is-sinjali tal-presenza t’Alla
Inti żżur l-art u ssaqqiha,
u tagħniha bil-ġid tiegħek.
Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma,
il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.
(Salm 64)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 13, 1-9)
Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.
U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.
Riflessjoni u talba:
Innota ftit!Aħna ngħidu li Alla sar bniedem sabiex isalva d-dinja.
Dak li jista’ kollox, u li kollox sar biH, ġie f’dinja li qed titkisser, u x’jagħmel biex jibda jirranġa l-affarijiet? Kieku floku minn fejn tibda?
Ġesù ħareġ mid-dar, mar ħdejn il-baħar, qagħad bilqiegħda hemm …
U beda jgħid l-ISTEJJER!
Interessanti!
Ma juża l-ebda maġija biex jisparixxu l-problemi! Kieku Alla jimxi hekk, aħna nitilfu l-libertà!
Ma jiġix bħala lider awtoritarju jfittex kontroll fuq in-nies! Kieku Alla hekk, jiżra biża mhux kreattività!
Meta l-bniedem tgħidlu storja u jidħol fiha, l-immaġinazzjoni tiegħu tieħu l-ħajja. Bħal min jisma’ l-mużika u jingħaqad fiż-żifna. Il-bniedem jinduna li dak li qed jgħix jista’ jagħmel sens, mhux għalxejn: ħajtu issalva.
Naturalment l-istejjer li jgħinuk ukoll tinduna meta l-prijoritajiet żbaljati, ma jagħmlux sens. Ġesù jmexxi billi jispira mhux billi joħodlok postok. Bħaż-żerriegħa li tiddependi mill-art.
Liema hija l-istorja tiegħek?
“Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra … xi żerriegħa waqgħu qalb ix-xewk … u ħanaqhom”.
Hemm stejjer li jġibuna wiċċ imb’wiċċ ma’ żbilanċ fis-soċjetà, prijoritajiet li mhumiex f’posthom f’ħajjitna.
Hekk “Is-Sajjied u martu” (storja adattata minn wieħed mir-rakkonti tal-aħwa Grimm). Fil-qosor tgħid xi ħaġa hekk:
Mela darba kien hemm sajjied jgħix flimkien ma’ martu ġo kmajra fqira, fil-ħmieġ. Darba ħareġ jistad u qabad ħuta speċjali li kellmitu u qaltlu: ‘Jien ħuta maġika, prinċep, tajjeb għall-ikel m’inix. Għax ma titlaqnix lura fil-baħar?”. Hekk għamel. Iżda xħin qed jgħid lil martu bagħtitu lura u qaltlu: ‘Ħuta speċjali! prinċep? titkellem! … mur itlobha tagħtina dar sura’. Is-sajjied mar, talab lil din il-ħuta u xħin ġie lura sab dar sabiħa bi ġnien żgħir magħha.
Iżda wara ftit il-mara qaltlu ‘Il-ġnien żgħir wisq. U kemm iddum iddur fl-istess erba’ kmamar. Mur itlob li jkollna villa sabiħa’. Is-sajjied mar, talab lil din il-ħuta u xħin ġie lura sab villa kollha rħam, twapet sbieħ u ġnien kbir’.
M’għaddiex wisq żmien meta l-mara qaltlu: ‘Dan mhux biżżejjed għalina. M’intix tara l-art tal-madwar u l-għoljiet. Mur itlob lill-ħuta biex insiru rejiet. Hekk ikollna kontroll”. Is-sajjied mar, talab lil din il-ħuta u xħin mar lura sab palazz kbir mimli nies biex jaqduhom.
‘Issa ma jonqosna xejn’, qal lil martu. ‘Ma nafx. Issa naraw!’. Dak il-lejl ma raqdux sew! Jitqallbu u jhewdnu. X’aktar?!? Filgħodu raw ix-xemx tielgħa. Il-mara qaltlu: ‘Hekk hu! Mur għid lill-ħuta tagħmilna allat. Hekk ikollna kontroll fuq ix-xemx tielgħa u meta rridu ngħidulha tmur lura jew ‘l quddiem’. Is-sajjied mar u talab lill-ħuta. U xħin ġie lura sab li reġgħu għall-kmajra fqira, fil-ħmieġ!
Qed ngħixu f’soċjetà fejn ir-rakkont prinċipali huwa immexxi mill-mistoqsija “kif se jkollna aktar?” Bħax-xewk, din issir preokkupazzjoni li toħnoq iż-żerriegħa t-tajba, din il-perspettiva twassalna biex nitilfu l-gost vera tal-ħajja, neqirdu riżorsi limitati u noħolqu kunflitti mal-oħrajn.
- Fejn tara stedina għal ħajja ta’ aktar sempliċità, ħielsa mill-kilba u l-ħela?
Xi żerriegħat waqgħu fil-mogħdija … f’art kollha blat … qalb ix-xewk … IMMA …
Fil-mogħdija … ġew l-għasafar u kiluhom: kultant ngħidu (u ngħixu) stejjer ta’ pessimiżmu: xejn ma jikber! Kollox għalxejn!
F’art kollha blat – iż-żerriegħa malajr kibret: hemm drabi fejn ngħixu f’rakkont ta’ ottimiżmu: look at the bright side. Iżda xħin niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ esperjenza ta’ falliment, tal-iebes tal-ħajja, d-diżappunt ikun kbir. (Peress li ma kelliex għeruq, xħin telgħet x-xemx il-pjanta nixfet nixfet).
Oħrajn qalb x-xewk: hemm rakkont aktar realistiku. Jgħinek tieħu bis-serjetà l-ħażen li jeżisti u jipprova jattakka t-tajjeb. Il-Malti jgħid “Aħseb fil-ħażin u t-tajjeb ma jonqosx”. Imma jiġi mument fejn ir-realtà taqtagħlna nifisna!
L-istorja li jagħtina Ġesù teħodna lil hemm minnhom it-tlieta – pessimiżmu, ottimiżmu, realiżmu. Normalment il-climax ta’ ċertu stejjer (speċjalment ċertu ċajt) huwa mat-tielet battuta. Jekk ma jiġri xejn wara tlieta, mela aqta’ jiesek! Huwa hawn li Ġesù iżid il-kelma “imma” . Jiftaħ t-triq tat-tama. Dan huwa r-rakkont li ġie biex jgħid Ġesù.
Fejn jidher li mhemmx tama għal din d-dinja tagħna;
meta għal darba, tnejn, tlieta il-bniedem jgħaxxaqha, iħawwad, jeħel;
meta n-negattività tiġbidna l-isfel;
meta l-kmandament “kun pożittiv” kien l-għamad biex ma narawx il-ħażen u nħalluh jikber;
meta issa qed insibu li r-realtà hija iebsa wisq għalina u t-taħwid enormi;
Ġesù jgħidilna “imma xi żerriegħa waqgħu f’art tajba u għamlu l-frott…” Jgħaddina mill-mewt għall-ħajja. Jimlina bit-tama. Jagħtina l-qawwa biex naffrontaw r-realtà u jassigurana li d-deċiżjonijiet konkreti li nieħdu meta nilqgħu ż-żerriegħa t-tajba, meta nimpenjaw ruħna għat-tajjeb li jrid Alla, se nħallu l-frott.
- Fejn tara sinjali ta’ tama?
- Kieku kellek tagħżel żerriegħa (mit-tagħlim ta’ Ġesù), liema tkun? Liema tajjeb tista’ twettaq?
U għamlu l-frott, min mija, min sittin u min tmenin
Hemm rakkonti li jispirawna b’liema tipi ta’ frott kapaċi jagħti l-bniedem.
Lil wieħed awtur talbuh jirrakkonta l-aktar mument spettakolari fl-isports. Kien ikun faċli jirrakkonta mumenti speċjali f’xi finali tat-tim favurit tiegħu. Iżda moħħu mar mill-ewwel fuq dan ir-rakkont (adattament tar-rakkont The Praying mantis moment minn Brian Doyle, One Long River of Song):
“Darba mort nara t-tifla tiegħi ta’ 6 snin tilgħab il-futbol. F’daqqa waħda rajna t-tfal kollha jinġabru f’ċirku. Saħansitra l-coach – li s-soltu jitbaqbaq biex t-tfal li għadhom daqs naqra jissieltu ħalli jirbħu – dakinhar rajnieh jieqaf u jmur ħdejhom. Żewġ ommijiet ħarġu jiġru għax ħasbu li weġġa xi ħadd. F’daqqa waħda t-tfal bdew mexjin forma ta’ purċissjoni wara tifla. F’idejja kienet qed iġġorr farfett li sabet f’nofs il-ground. “Dan kien hawn qabilna. Jista’ jkun li dan il-post d-dar tiegħu. U meta tidħol fid-dar ta’ xi ħadd trid turi rispett!”
- Id-dinja ta’ madwarek f’liema storja tidħol? Xi frott tixtieq tħalli min-naħa tiegħek? Ta’ ħakkiem jew ta’ xi ħadd mistieden … mistieden biex jieħu ħsieb?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.