X’qed tistenna?

X’qed tistenna?

Mument ta’ talb: It-32 Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

F’qalbi hemm għatx, xewqa għal aktar:

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

(Salm 95)

Il-ġardinar (Petr Vaclavec): Il-ħajja tagħna immarkata minn sens ta’ stennija.

L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 25, 1-13)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.

(Mt 25, 1-13)

“Fix-xita” (Petr Vaclavek) – Fid-dinja tistenna li se jinqala’ xi ħaġa!

Riflessjoni u talba:

X’qed tistenna?

Hemm differenza bejn l-għaqlin u l-istupidi?

i. Għaqlin

Peress li jistennew li jista’ jinqala’ xi ħaġa minn taħt ir-riħ, l-għaqlin

  • prattiċi: ibassru li jista’ jiġri xi ħaġa li ma tkunx tistenniha … u jaħsbulu minn qabel
  • responsabbli: isibu l-mezzi biex jilħqu l-għanijiet tagħhom anke meta l-affarijiet imorru ħażin
  • jevitaw is-superfiċjalità: jafu li mhumiex fil-kontroll ta’ kollox (tal-ħin u tal-ġrajjiet) … u għalhekk jimxu b’mod umli
  • għandhom kapaċità immaġinattiva: jimmaġinaw xenarji differenti (forsi jittardja, forsi ma jservix iż-żejt) u jagħmlu għażliet
  • determinati: kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet iebsin (anke jekk forsi jidhru koroh)

Irrifletti:

  • Fejn tista’ ssib ftit ħin għas-silenzju, għat-talb, biex tħares ‘l quddiem?
  •  “Kull persuna għandha bżonn ta’ spazju għaliha nfisha, fejn tikkultiva l-ħajja interjuri tagħha, fejn l-azzjonijiet isibu tifsira. Mingħajr ħajja interjuri nsiru superfiċjali, aġitati, anzjużi – l-ansjetà kemm tagħmlilna ħażin! Għalhekk irridu nfittxu t-talb; mingħajr ħajja interjuri nkunu naħarbu mir-realtà, u anki minna nfusna, inkunu nies dejjem f’ħarba.(Papa Franġisku – 4 Novembru 2020)
“Mushroom-1” (Petr Vaclavek) – Fil-ħajja dejjem tistenna li l-bajtra taqa’ f’ħalqek?

ii. Boloh

Il-boloh, l-istupidi, peress li jistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqhom

  • Jippretendu l-affarijiet flok jagħtu s-sehem attiv tagħhom
  • Jilagħbuha tal-vittma, tal-imsieken biex jevitaw ir-responsabbiltà
  • Jgħattu xturhom (il-fatt li ma ħasbux) billi jieħdu vantaġġ minn dawk li qalbhom hemm

Irrifletti:

  • Xi sfida toffrilek din l-istorja ta’ Ġesù? Fejn hemm bżonn li tpoġġi ftit aktar ħsieb?

“Upon closer observation, it becomes apparent that every strong upsurge of power in the public sphere, be it of a political or of a religious nature, infects a large part of humankind with stupidity.

(…) it seems that under the overwhelming impact of rising power, humans are deprived of their inner independence, and, more or less consciously, give up establishing an autonomous position toward the emerging circumstances.

The fact that the stupid person is often stubborn must not blind us to the fact that he is not independent. In conversation with him, one virtually feels that one is dealing not at all with a person, but with slogans, catchwords and the like that have taken possession of him. He is under a spell, blinded, misused, and abused in his very being.

Having thus become a mindless tool, the stupid person will also be capable of any evil and at the same time incapable of seeing that it is evil. This is where the danger of diabolical misuse lurks, for it is this that can once and for all destroy human beings.”


(Dietrich Bonhoeffer on Stupidity. Taken from a circular letter, addressing many topics, written to three friends and co-workers in the conspiracy against Hitler, on the tenth anniversary of Hitler’s accession to the chancellorship of German)

Krkonoše -1″ (Petr Vaclavek) – Lil min qed tistenna?

iii. Ishru

Is-sigriet li jsalvana mill-bluha: li tistenna b’ħeġġa (bħalma persuna li tħobb tistenna lil min iħobbha). Hemm xewqa, stennija, attenzjoni. Hemm kapaċità li wieħed jinnota kull ċaqliqa, kull sinjal, kull ħoss. Min jaf lil min qed jistenna, jagħraf il-pass, in-nifs, it-tqaħqiħa. Is-sigriet tal-għerf tal-Knisja, tan-nisrani, huwa li jistenna b’ħerqa lil Ġesù u s-Saltna tiegħu. Is-sabiħ li tgħix kull ġurnata attent għas-sinjali tas-Saltna t’Alla. Tistenna lil Alla jiltaqa’ miegħek fix-xemx tielgħa, fl-għajnejn li juru l-qalb innoċenti jew miksura, fit-taħbit tax-xogħol għal dinja aħjar, fis-silenzju tat-tbatija, fejn il-bieb li jagħti fuq il-ħajja ta’ dejjem.

Ikkontempla:

  • Agħmel ftit ħin ta’ skiet … itlob li qalbek timtela’ bix-xewqa ta’ Alla.

It-talb “hu l-ewwel xewqa tal-ġurnata, xi ħaġa li nagħmluha ma’ sbiħ il-jum, qabel ma tistenbaħ id-dinja. Jagħti ruħ lil dak li, inkella, jibqa’ bla nifs. Jum mingħajr talb jirriskja li jinbidel f’esperjenza ta’ dwejjaq, jew monotona: dak kollu li jiġrilna jista’ jsir għalina xi ħaġa li ma nifilħux nissaportu jew destin għama. Imma Ġesù jedukana għall-ubbidjenza għar-realtà u allura għas-smigħ.

It-talb hu qabelxejn smigħ u laqgħa ma’ Alla. Hekk il-problemi ta’ kuljum ma jsirux xkiel, imma sejħat ta’ Alla nnifsu biex nisimgħu u nilqgħu lil min għandna quddiemna. Il-provi tal-ħajja hekk jinbidlu f’okkażjonijiet biex nikbru fil-fidi u fl-imħabba. Il-mixja ta’ kuljum, inkluż it-taħbit u l-għeja, tikseb il-perspettiva ta’ “vokazzjoni”.

It-talb għandu l-qawwa li jibdel f’tajjeb dak li fil-ħajja nkella jkun kundanna; it-talb għandu l-qawwa li jiftaħ xefaq kbir għall-moħħ u jwessa’ l-qalb.” (Papa Franġisku – 4 Novembru 2020)


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.