Lura fil-ġnien?

Lura fil-ġnien?

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tal-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nitlob il-grazzja li nagħraf il-qawwa t’Alla u nħalli l-hena jkeċċi l-biża’ minni:
 Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej..
(Salm 117)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

(Ġwann 20,  19-23)


Riflessjoni u talba:

Wara l-qtil inġust u brutali tal-innoċenti, f’dinja ta’ rikatti, manipulazzjoni u ċaħda min-niesek stess, nibqa’ skantat kif ir-rakkonti li kitbu s-segwaċi ta’ Ġesù mhux mimlijin b’rabja, akkużi jew qrusa! Lanqas ma nsibu sens ta’ fataliżmu, nies li qatgħu qalbhom u irtiraw mid-dinja. L-istil u t-ton tal-Evanġelju diġà jurik li seħħet xi ħaġa stroardinarja.

i. “ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” 

Ir-reazzjoni naturali hemm kienet.
Magħluqa, imbeżżgħa … min-nieshom stess … u forsi imbeżżgħin minn xulxin ukoll. Apparti Ġuda, diġà Tumas mhux hemm!

Imma Alla li sar bniedem u “għammar f’nofsna”, dak li qtilnieh ġie u reġa’ qagħad f’nofsna ġie fil-post fejn nesperjenzaw l-biża’ u l-mistħija ġie mhux biex jirbaħ fuq xi ħadd, jew jiddisprezza l-umanità tagħna, imma ġie bil kliem “Is-sliem għalikom”.

Mhux kif tagħtih id-dinja … nar tat-tiben, b’elf kundizzjoni, li jħallik inċert u imdendel;
imma “sliem” li kapaċi toffri imħabba eterna, determinata, ġenwina, solida, vera.
Is-sliem għalik-om!

Irrifletti:

  • Agħti isem għall-akbar biża’ li għandek! bħala persuna u bħala grupp/komunità.
  • Isma’ l-kliem ta’ Ġesù rxoxt: “Is-sliem għalik”. “is-Sliem għalikom”.
person standing on hill

ii. “Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”

Aħna nirrepetu u nirrepetu … f’moħħna u lil xulxin … dak li jkissirna.
Nibqa’ nhewden fuq kelma iebsa li rċevejt 40 sena ilu.
Infakkru b’modi sottili u inqas sottili: “Int għaxxaqtha!”
Nibqgħu niftakru l-ġrajjiet koroh li immarkaw l-istorja tagħna, u li jagħlquna għal dejjem.

Għandna bżonn l-azzjoni Ġesù, l-vittma rebbieħ fuq il-mewt,
Għandna bżonn nisimgħu itenni, jerġa jtenni: Is-Sliem għalikom.
Dik mhix ftit zokkor qabel xebgħa kliem ta’ kritika.
Imma l-melħ li jagħti t-togħma.

Dak li qabel il-mewt qalilna:
“Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġwanni 15, 9)
dak li ġie miċħud u rxoxta jgħidilna:
“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”
Jgħaddina minn sfiduċja totali għal fiduċja eterna.

Irrifletti

  • Liema esperjenza/i iġiegħluk tingħalaq?
  • Xi jfisser il-kliem ta’ Ġesù fuq ħajtek?
Risen Christ with his disciples – Kiko Arguello

iii. “Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”

Inkun ser nerġa lura għall-qtiegħ il-qalb, il-bibien magħluqa, kulħadd għal rasu. Kulma nara huma l-fallimenti tiegħi u l-falsità ta’ madwari.

Imma Ġesù jibqa’ jtenni bil-kalma u bil-qawwa.
U il-Kelma t’Alla ma terġax lura vojta: twettaq.

Ftakar fl-azzjoni tal-ħolqien: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja”. (Gen 2,7) Mhux xewqat sbieħ. Alla joħloq il-ħajja. Jagħti l-ħajja. Lura fil-ġnien iżda biex inħarsu ‘l quddiem!

U Ġesù nefaħ fuqhom (enephysēsen).
Alla iwettaq ħolqien ġdid.
Id-dixxipl, li msejħin biex “ikunu miegħu” – bl-għeruq fl-imħabba eterna t’Alla –
isiru appostli, mibgħutin, imqawwijin mill-Ispirtu – bil-qawwa ta’ Kristu Rxuxtat;
qawwa ta’ dak li ma ġiex b’vendetta iżda bis-sliem,
li ma ġiex biex jikkundanna iżda biex isalva,
li ma ġiex biex jifred iżda biex jgħaqqad,
li ma jiżrax biża’ iżda fiduċja,
li jeħles mill-qtiegħ il-qalb u jiżra’ kreattività bil-qawwa tal-Ispirtu.

Min jilqa’lil Ġesù u lill-appostli jinħeles mid-diżumanità u jissejjaħ bin Alla.
Se jibqa’ nies li, meta jiġi Ġesù f’nofshom (permezz tad-dixxipli), ma jilqgħuhx.
Imma l-qawwa tad-dixxipli tibqa’ dik biex twassal is-Sliem, il-maħfra, l-umanità l-ġdida.

Ieqaf fis-skiet:

  • Ieqaf ftit fuq il-kliem “Ħudu l-Ispirtu s-Santu”. Agħraf il-qawwa li rċevejt.
  • X’qed twassal lil oħrajn?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.