L-Arti tal-Mistrieħ!
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-16-il Ħadd tas-Sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
(Salm 23)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.
Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.
(Mark 6, 30-34)
Riflessjoni u talba:
i. L-Appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu
Ġesù jagħti l-ħin biex jismagħhom jirrakkuntaw! Hija arti li tgħinek tagħmel sens minn dak li qed twettaq; biex tapprezza u tifraħ bit-tajjeb; biex tirfina u tikkoreġi u ssib motivazzjoni aħjar; biex dak li tgħid u tagħmel ma jkunx dover, rutina, sforz: iżda espressjoni ta’ dak li tgħożż, ta’ passjoni li ġġorr.
Irrifletti:
- Liema ħidma tixtieq tiċċelebra? X’qed tapprezza fl-umanità tiegħek?
ii. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab
Ġesù mhux interessat biss li jkun jaf x’qalu u x’għamlu; jekk qalux it-tagħlim preċiż jekk għamlux ħafna jew ftit xogħol. Imma jisma’ lilhom, bħala persuni: jinduna li għandhom bżonn il-mistrieħ.
Hu stess kien ifittex dan il-post imwarrab, Jgħinu ma jaljenax fix-xogħol u jinsa l-bżonnijiet bażiċi; Isib il-mistrieħ li jgħinu jibqa’ luċidu, iġedded il-motivazzjoni tal-ħajja u l-vokazzjoni tiegħu, isib ħin għal stagħġib u gratitudni.
“Ejjew miegħi … u strieħu ftit”.
Irrifletti
- Liema tip ta’ mistrieħ iġeddek bħala persuna sħiħa?
iii. X’ħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj
F’Ġesù mill-ewwel jidher il-frott tal-mistrieħ: mhux immexxi minn sens ta’ dover (li jġib aktar għijja) lanqas minn posizzjoni ta’ poter (bl-ansjetà li ġġib magħha biex tiddefendi l-posizzjoni) lanqas mill-bżonn ta’ proġetti kbar biex iħossu importanti (u li jaqtgħulek nifsek).
Immexxi mill-qalba ta’ ħajtu: kompassjoni! Jisma’ l-għatx li għandhom in-nies; Jagħraf li ltiema għax nieqsa minn mexxejja vera.
Lid-dixxipli li kienu qalulu x’kienu “għamlu u għallmu” jurihom x’tagħmel kelma/azzjoni li ħierġa minn qalb li tagħraf il-bżonn ta’ persuna l-oħra, li tħoss is-sofferenza tagħha. Dik il-kelma dik l-azzjoni tinħass li mhix falza. Il-kompassjoni iġġib laqgħa bejn il-persuni, dik il-ħidma iġġib għijja sabiħa: sodisfazzjon u hena fil-qalb.
Irrifletti
- Ftakar f’xi kelma jew azzjoni li kienet ħierġa mill-qalb tiegħek? X’ħalliet f’qalbek?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.