Stil Uniku!
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-15-il Ħadd tas-Sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
(Salm 84)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.
Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.
Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.
(Mark 6, 7-13)
Riflessjoni u talba:
i. Wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq
Stramba t-triq ta’ Alla fid-dinja! Il-Ħallieq ta’ kollox ma jilbisx biex jimpressjona! Lil dawk li jirrappreżentawh jibgħathom bl-inqas.
Ġesù ma jibgħathomx jagħmlu propaganda, biex jilludu n-nies u jġibuhom fejn irid Hu. Irid li jaqsmu xi ħaġa ġenwina b’ħajjithom, li tħajjar lil ħaddieħor joħroġ l-aħjar ukoll.
Irrifletti:
- Liema qoxra trid tneħħi biex jidher dak li hu ġenwin fik?
ii. Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk.
Li tibqa’ … li toqgħod għal żmien. Il-Vanġelu mhux maġija: irid iż-żmien biex jitrawwem.
Għalhekk, meta “tidħlu f’dar, ibqħu”; hekk fid-dar tal-ħbiberija … li tissaħħaħ meta tibqa’ fit-tajjeb u fl-iebes; fid-dar fejn hemm il-ferħ … fejn tidra tapprezza t-tajjeb li hemm f’ħaddieħor u tifraħ mhux tgħir; fid-dar fejn hemm il-monotonija … u tidra tħobb għax tħobb mhux għal dak li tieħu lura; fid-dar fejn hemm sitwazzjonijiet kumplikati … u tifhem li l-Vanġelu mhux sett ta’ regoli iżda l-għerf t’Alla li jdawwal, il-ħniena li ddewwi.
Li tibqa’ … Imbagħad mhux il-kliem jibqa’ iżda x’int!
Irrifletti
- F’liema dar mistieden tibqa’?
iii. “Jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.
Dan x’parir hu? Normalment kif nirreaġixxu?
Hemm drabi fejn nieħduha personali u nimtlew rabja. U nibdew nirrelataw b’rabja. U ninsew li l-Evanġelju hu fuq kollox gratuità: inħobb biex inħobb mhux għas-suċċess personali.
Ġesù jgħidli: jekk ma laqgħukx, kun ħieles! Imxi! Teħilx!
Hemm drabi oħra fejn inkunu indifferenti. La jimpurtanti mill-ġid tan-nies u lanqas nemmen li l-Evanġelju huwa rigal essenzjali għall-bniedem.
Ġesù jgħidli “farfar it-trab”: agħti sinjal! Urihom li mhux xorta li timxi fit-triq t’Alla jew mingħajrha. Stedinhom jerġgħu jaħsbuha. Hija ħafna aktar milli kwistjoni ta’ ħajja jew mewt!!!
Irrifletti
- Liema aspett tal-Evanġelju qed Jolqtok l-aktar bħalissa? Kif tista’ taqsmu mal-oħrajn?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.