Kollox kontra d-dinja?

Kollox kontra d-dinja?

Niċċelebraw it-23 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej! (Salm 145)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata!”, jiġifieri: “Infetaħ!”. U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.

Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!” (Mk 7:31-37)

(Mk 7:31-37)

Sea of Galilee

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies

Aħna kieku l-ewwel li nagħmlu inġibu tar-ritratti, jekk ma jidhirx … cioè, jekk ma nidhirx!

Ġesù kontra d-dinja. Jaf li l-essenzjal huwa inviżibbli għall-għajnejn. Jaf li jekk trid tfejjaq persuna trid tmiss il-qalb, u t-triq għall-qalb tgħaddi mis-smigħ, minn min jinteressa ruħu fik … b’ferħ minn min ma jitkellimx fuqu innifsu imma jagħti attenzjoni sħiħa għall-persuna l-oħra.

Irrifletti:

  • Min ħabbek fis-silenzju, fil-moħbi, b’mod ġenwin?
person holding white ceramic mug


ii. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema…

Kieku kellna l-qawwa ta’ Ġesù konna nagħmlu l-miraklu mill-ewwel, ħa nħaffu u mmorru nkomplu; m’għandniex ħin x’naħlu … U fil-ġirja, inżidu d-dannu u l-ħsara: għax m’għandix ħin nisma’ l-persuna: l-aqwa li neħles; għax m’għandix ċans nirrifletti: nitfa’ l-kliem bl-addoċċ u narmi bla kontroll; għax m’għandniex ċans inkabbru s-siġar indiġeni: ejja ħa mmorru!

Ġesù jieħu l-ħin tiegħu: cioè jagħtih … ħin biex jintmess mill-persuna, ħin biex jerfa’ għajnejh lejn is-sema, ħin biex jgħix il-verità li hu mhux iċ-ċentru li kollox idur miegħu, iżda il-post tal-laqgħa bejn is-sema u l-art, bejn il-bniedem u Alla … U kull laqgħa trid il-ħin tagħha!

 

Irrifletti

  • Fejn tajt il-ħin u rajt l-effett?
ocean waves crashing on shore during sunset


iii.  Tniehed tnehida, u qallu: “Effata!”, jiġifieri: “Infetaħ!”.

Aħna nħossu li nafu … u allura ngħidulek x’għandek taħseb, niddettaw, nimponu, nipproteġu lilna nfusna … infittxu li nimpressjonaw!  

Ġesù donnu kontra d-dinja … joqrob lejn l-esperjenza tal-persuna li tbati biex tikkomunika u magħha “jitniehed” … imma wkoll jitkellem b’mod ġenwin, minn dak li hu: juża’ l-Aramajk – “Effata”; isib it-triq għall-qalb li tgħin il-persuna tiftaħ; jgħinha tirbaħ il-biża’, il-weġgħat u r-rabja li jwaqqfu l-komunikazzjoni. Iwassal lill-bniedem biex jikkomunika b’mod tajjeb għax jirkupra l-fiduċja, l-possibilità li nerġa niftaħ u ma nibqax magħluq wara s-swar li bnejt quddiem il-feriti tal-ħajja!

Irrifletti

  • Liema ġest/kelma għenuk terġa tafda?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.