Kura?

Kura?

Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tas-Sena Ċ

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!’”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

(Lq 4:21-30)

pexels/mart: healing needs stopping

Riflessjoni u talba:

i. Iżda hu qalilhom …

Dik il-kelma “iżda” mhix żejda?
Mhux aħjar ma qal xejn iżjed,
u qagħad igawdi s-suċċess u l-fama tal-mument?
 
Imma hu ġie biex jagħti d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
u l-ebda tabib ma jfejjaq bla ma jiftaħ il-ġerħa.
Jippreferi li l-folla li qed tfaħħru tinbidel
fil-folla li trid titfgħu minn fuq għal isfel,
milli jħallihom fl-għamad.


Irrifletti

  • Liema kelma fl-Evanġelju tisfidak?
pexes/anna shvets: cure calls for relationship


ii. Armla minn Sarefta ta’ Sidon … Nagħman tas-Sirja

Fl-istess ġest fejn jikxef il-ferita,
jibda joffri l-kura.
Għal min mimli bih innifsu,
għal dawk li jibni l-identità tiegħu minn sens ta’ superjorità fuq l-oħrajn,
Ġesù jfakkar fl-istejjer li kienu nsew:
dik tal-armla umli li rċeviet il-profeta
dik ta’ xi ħadd barrani li tfejjaq.
Stedina biex ibexxqu l-bieb:
agħraf il-bżonn tiegħek
apprezza t-tajjeb li jiġi mill-grupp l-ieħor!

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li tbexxaq il-bieb?
pexels/akhmad chalandaroff: healing to new life


iii. Għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer

It-tendenza fina tibqa’ hemm!
li noqtlu l-vuċi tal-verità
li nwaddbu ‘l barra lil min niddeċiedu li hu “barrani”
li noqtlu dak li ġej minn Alla.
 
Imma il-qawwa tiegħu tibqa’ hemm!
Jgħaddi minn ġo nofsna
u ma jeħilx
u jgħinna ma neħlux
u dawk li jaċċettaw li jsiru dixxipli tiegħu
ukoll jibqgħu mixjin
u jagħtu d-dawl mill-ġdid.

Irrifletti

  • Fejn qed tesperjenza skuraġġiment? X’jgħidlek il-ġest ta’ Ġesù?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.